Mil-lum Beda Jintuża R-Rapid Testing F’Malta
Żewġ testing hubs ġodda se jibdew jittestjaw għall-COVID-19, din id-darba permezz tar-rapid testing. Dan wara li f’pajjiżna bdew jaslu l-eluf ta’ rapid testing kits, li daħlu fis-suq internazzjonali riċentament u li ġew klinikament approvati li huma effiċjenti fir-riżultati mogħtija.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema Maltin b’Saħħitna ‘l Quddiem.
Il-Ministru Fearne spjega li mil-lum stess beda jingħata s-servizz tar-rapid testing mill-hub il-ġdid tal-Floriana u li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jiftaħ swabbing hub ieħor tar-rapid testing fit-Tramuntana ta’ Malta. “B’hekk se jkun possibbli li nagħmlu mal-elf rapid test kuljum mingħajr xkiel lill-eluf ta’ testijiet normali li qed isiru ta’ kuljum fis-sitt hubs eżistenti.”
Id-Deputat Prim Ministru fisser kif il-pjan hu li r-rapid testing ikun offrut lill-istaff tad-djar tal-anzjani, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fl-iskejjel u lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, fost oħrajn.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru ta elenku tal-miżuri mħabbra fil-Baġit 2021, fejn aċċenna kif 2021 hija sena rekord għall-baġit allokat għall-qasam tas-saħħa, li se jammonta għal madwar €824 miljun.
Huwa nnota li dan jikkuntrasta bil-kbir mal-baġits mogħtija lill-qasam tas-saħħa taħt gvernijiet preċedenti. Fost oħrajn, Chris Fearne semma li matul is-sena d-dieħla se jkomplu jiżdiedu aktar mediċini fuq il-formularju tal-gvern bħal mediċini għall-osteporożi, mediċini psikjatriċi u mediċini għall-HIV.