Mixli Li Hedded Lill-Patri Dijonisju Mintoff Għax Ma Tahx Saqaf Fuq Rasu
Lamin Gassama ta’ 21 sena mill-Gambja ġie mixli li lbieraħ filgħaxija hedded lill-Patri Dijonisju Mintoff għax ma kellux saqaf fuq rasu x’joffrilu.
Fil-qorti, il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat mar il-Laboratorju tal-Paċi ftit wara s-7.00pm u sab lill-Patri Dijonisju, u talbu xelter għax qal li ma kellux fejn joqgħod.
Il-Patri qallu li m’għandux u kien hawn li l-akkużat allegatament beda jgħajru u jheddu li se jerġa’ jmur aktar tard u joqtlu.
L-akkużat li ġie mixli wkoll li jgħix ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kontrih.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur Patri Dijonisju Mintoff, bl-akkużat baqa’ jiżamm arrestat.
Dan wara li d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest għax l-akkużat m’għandux fejn joqgħod.