Omm Tħarrab Lil Bintha Minn Malta Illegalment
Tifla li tinsab taħt ordni ta’ ħarsien allegatament tħarrbet illegalment minn Malta minn ommha lejn pajjiż Ewropew.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja qal li t-tifla kienet tgħix ma’ foster family u kellha aċċess mhux sorveljat ma’ ommha għal numru ta’ sigħat is-Sibt u l-Ħadd.
Dan l-aċċess kien possibbli wara deċiżjoni tal-bord ta’ reviżjoni, fejn anke l-minuri stess kienet esprimiet ix-xewqa li tqatta’ iktar ħin ma’ ommha. Dan kien parti minn pjan ta’ ri-integrazzjoni.
Żied jispjega li fit-12 ta’ Ottubru li għadda, id-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li l-omm naqset milli tirritorna lit-tifla d-dar.
Kien hawn li ll-ħaddiema soċjali immedjatament għamlu viżta d-dar tal-omm fejn sabu l-bieb imsakkar b’katnazz. Kien għalhekk li minnufih sar rapport lill-pulizija.
Tard waranofsinhar fl-istess ġurnata, il-pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew.
Id-Direttorat tat-Tfal tkellem ukoll mal-uffiċċju tal-immigrazzjoni fl-ajruport ta’ Malta fejn irriżulta li t-tifla siefret b’mod illegali. Sadanittant il-pulizija tkellmet ukoll mal-Europol biex tassisti fuq il-każ.
Il-Ministeru qal li d-Direttorat tat-Tfal qed iżomm komunikazzjoni kontinwa mal-pulizija u ma’ awtoritajiet oħra filwaqt li qed jagħti kull assistenza possibbli li hemm bżonn lill-foster family.