“Qed Naraw Li Nżidu L-Infurzar Tar-Restrizzjonijiet U Li Nħeġġu L-Ilbies Tal-Maskri” – Il-Prim Ministru
Il-Prim Ministru Robert Abela qal f’pajjiżna qed naraw li nżidu l-inforzar tar-restrizzjonijiet li diġà hemm fis-seħħ billi jiżdiedu aktar pulizija fit-toroq biex jiżguraw rispett lejn il-miżuri kollha li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u fl-istess waqt ninkoraġixxu aktar l-ilbies tal-maskri.
Dr Abela qal dan f’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew fi Brussell li fost oħrajn għandu fuq l-aġenda tiegħu l-pandemija tal-Covid-19.
Il-Prim Ministru qal li l-mexxejja huma preokupati kollha bir-rati li qed jiżdiedu tal-infezzjonijiet f’kull pajjiż Ewropew. Qal li ż-żieda fl-inforzar u l-ilbies tal-maskri huma importanti ħafna għax se jgħinu biex inżommu l-pandemija taħt kontroll.
“Appell ewlieni li sar fil-Kunsill illum kien li ma nistgħux nagħlqu l-ekonomiji tagħna. Jiġifieri rridu nżommu dan il-bilanċ tant delikat fil-mument bejn l-ekonomija u s-saħħa. Bilanċ important immens anke f’sitwazzjoni li taf iddum xhur u għalhekk mhux biss kwistjoni li tagħmel restrizzjonijiet jew li żżidhom iżda li tkun sostenibbli kemm short, medium u potenzjalment long term”, qal il-Prim Ministru.