Rudolph Agius u Hannah Cutajar Jirbħu l-Kampjonati Nazzjonali tat-Triathlon
Rudolph Agius u Hannah Cutajar rebħu it-titlu ta’ Ċampjin Nazzjonali tat-Triathlon 2020 meta l-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon ospitat it-Tacx National Triathlon Championships fis-Salina.
Ir-rebħa ta’ Agius pattiet għad-diżappunt li kellu hekk kif il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kampjonati Dinjija tal-Ironman f’Kona, Hawaii, ġiet posposta għall-2021. Għal Cutajar, din ir-rebħa kienet ritorn għat-titlu, wara li s-sena l-oħra Cutajar ma setatx tiddefendi t-titlu tagħha minħabba inċident serju fuq ir-rota ftit jiem qabel it-tellieqa.
It-tellieqa tad-Distanza Standard kienet tikkonsisti f’għawma ta ’1500m, 40km bir-rota u ġirja ta’10km. Il-kundizzjonijiet kalmi fl-għawma kienu ta’ kuntrast għar-riħ qawwi li kien hemm fil-korsa tar-rota.
L-ewwel li ħareġ mill-għawma ta’ 1500m kien Rudolph Agius. Agius u Joseph Galea kisbu il-vantaġġ iżda bil-mod il-mod Agius kiseb distakk fuq Galea biex joħroġ mill-ilma b’vantaġġ komdu. Warajhom kien hemm Malcolm Vassallo segwit minn Steve Chetcuti u Josef Bonavia.
Agius kompla jżomm il-vantaġġ matul it-tellieqa kollha, b’Galea jisfida l-pożizzjoni tiegħu u jnaqqas id-distakk. Sfortunatament, panċer fir-raba dawra wassal lill-Galea jirtira mit-tellieqa. B’Galea barra mit-tellieqa, Josef Bonavia kompla jisfida d-dominanza ta’ Agius.
Bonavia, li kellu staġun ta’ suċċess kbir kien meqjus bħala kontendent ieħor possibbli iżda żball bikri fl-għawma, meta ħa żvolta ħażina, swielhu ħin prezzjuż. Minkejja li rreġistra l-iktar ħin veloċi fit-taqsima tar-roti, Bonavia kellu jikkuntenta bit-tieni post wara Agius. Agius ċċelebra l-ewwel titlu tal-Kampjonat Nazzjonali tat-Triathlon. Fit-tielet post kien hemm Kersten Theuma li wettaq prestazzjoni solida li kisbitlu l-ewwel podju tal-kampjonat.
Ma kien hemm l-ebda dubju li t-tellieqa tan-nisa tkun waħda miġġielda ħafna. Danica Bonello Spiteri li kienet bla telfa fl-istaġun Sprint Series kienet qeda tiġġieled għar-rebħ tal-kampjonat iżda ma kienitx ser tkun faċili b’Hannah Cutajar ittellaq ukoll. Cutajar irreġistrat l-aħjar ħin fit-taqsima tal-għawm, u daħlet fit-transizzjoni b’ ħamsin sekonda vantaġġ fuq Bonello Spiteri. It-tielet mara barra mill-ilma kienet Margaret Seguna.
Fuq il-korsa tar-rota, madankollu Bonello Spiteri qabdet trieqta quddiem Cutajar, u żammet vantaġġ minimu matul is-sitt dawriet tal-korsa. Bi ftit sekondi jisseparawhom kif daħlu fit-tieni tranżizzjoni, Bonello Spiteri ħarġet qabel Cutajar. Il-ġirja ta ’10km kienet ser tkun il-fattur deċiżiv bejn it-tnejn.
Cutajar marret fuq l-attakk biex għaddiet lil Bonello Spiteri fil-fażijiet bikrija tal-ġirja u baqgħet timbotta sal-aħħar biex tirbaħ ir-raba titlu tal-Kampjonat Nazzjonali tagħha. Cutajar irreġistrat ħin ta’ sagħtejn 12-il minuta u 2 sekondi. Fit-tielet post daħlet Lara Buttigieg.
Ritratt: Garmin Malta