Titnieda l-Ħames Edizzjoni Tal-Bibbja Bil-Malti
L-Għaqda Biblika Maltija nediet il-5 edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti riveduta skont l-aħħar studji mill-Biblisti Maltin. Dan qed isir mas-60 anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Biblika Maltija.
It-tnedija tal-Bibbja bil-Malti ġiet ippreżentata lill-Isqfijiet waqt laqgħa tal-Konferenza Episkopali Maltija fil-Kurja tal-Arċisqof il-Furjana.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li minkejja l-messaġġ tal-Bibbja ma jinbidilx, huwa essenzjali li minn żmien għal żmien jiġi aġġornat il-lingwaġġ li bih tkun inkitbet sabiex nifhmu u nersqu aktar lejn il-Kelma tal-Mulej.
L-Arċisqof awgura li din l-edizzjoni l-ġdida tal-Bibbja bil-Malti tkun strument qawwi ta’ evanġelizzazzjoni.
Rev. Dr Paul Sciberras, l-editur ewlieni fi ħdan il-Kummissjoni Permamenti għar-Reviżjoni tal-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija rringrazzja lill-membri tal-Bord tal-Għaqda, lir-riċerkaturi u l-kontributuri tal-ħidma sfieqa tagħhom. Qal li r-reviżjoni tal-Bibbja, li huwa xogħol li jsir b’reqqa u ħafna paċenzja, jibqa’ dejjem imnebbaħ
mill-Ispirtu s-Santu biex il-Kelma ta’ Alla tibqa’ relevanti fl-istorja tal-bniedem.
Għal aktar informazzjoni żur Bibbja.mt.
Ritratt: Rev. Dr Paul Sciberras, l‑editur fi ħdan il‑Kummissjoni Permamenti għar‑Reviżjoni tal‑Bibbja tal‑Għaqda Bibblika Maltija jagħti kopja tal-Bibbja l-ġdida lill-Arċisqof Charles Jude Scicluna.