Tliet Żgħażagħ Arrestati B’Rabta Mal-Att Vandalu Fuq L-Istatwa Ta’ Sant’Antnin

 Tliet Żgħażagħ Arrestati B’Rabta Mal-Att Vandalu Fuq L-Istatwa Ta’ Sant’Antnin

Tliet żgħażagħ ġew arrestati b’rabta ma’ att vandalu li sar fuq statwa reliġjuża li tinsab fil-Park tal-Familja ta’ Wied il-Għajn.

Wara jiem ta’ investigazzjonijiet mit-Taqsima tal-Patrimonju Kulturali fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, il-Pulizija identifikat ġuvni ta’ 19-il sena ta’ nazzjonalità Franċiża, ġuvni ieħor ta’ nazzjonalità Ingliża ta’ 18-il sena u tfajla Maltija ta’ 17-il sena, li allegatament wettqu dan ir-reat.

It-tfajla ġiet arrestata lbieraħ filgħaxija, waqt li ż-żewġ ġuvnitur ġew arrestati illum wara nofsinhar.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-każ seħħ fis-6 ta’ Ottubru li għadda, f’xi d-disgħa u nofs ta’ filgħaxija (2130hrs). L-istatwa, li tinsab fuq iz-zuntier tal-kappella ddedikata lil Sant’ Antnin ta’ Padova, ġiet ivvandalizzata billi kemm ras l-istatwa Sant’Antnin, kif wkoll ras u idejn l-istatwa tal-Bambin, tqaċċtu minn posthom. L-istatwa ta’ Sant’Antnin taqa’ taħt l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali.

Waqt l-investigazzjonijiet, il-Pulizija irnexxielha ssib ir-ras tal-istatwa ta’ Sant’Antnin fir-residenza fejn jgħixu ż-żewġ ġuvintur.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com