Żagħżugħ Ta’ 26 Sena Jsofri Ġrieħi Gravi F’Inċident Bil-Mutur
Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ, qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofra f’inċident tat-traffiku.
Kienu għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq is-Salini, in-Naxxar.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni ir-raġel tilef il-kontroll tal-mutur – Yamaha YZFR6 – li kien qed isuq u ħabat fil-crash barrier.
Fuq il-post marru Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku tal-Emerġenza mill-Isptar Mater Dei, li ta l-ewwel għajnuna lis-sewwieq tal-mutur. Huwa ttieħed b’ambulanza l-Isptar fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.