“8 Xhur Li M’Għadekx Miegħi … L-Egoiżmu u R-Rebgħa Għall-Flus Lilek Radmuk Taħt Borġ Ġebel” – Carmel Pace

 “8 Xhur Li M’Għadekx Miegħi … L-Egoiżmu u R-Rebgħa Għall-Flus Lilek Radmuk Taħt Borġ Ġebel” – Carmel Pace

“‌8 xhur li fiżikament m’għadekx miegħi. Mir mhux tort tagħna li nfridna, kemm ħdimna u ħsibna flimkien biex iż-żwieġ tagħna jibqa’ ħaj u sabiħ. Bla tlaqliq nista’ ngħid li rnexxielna, sakemm minħabba l-egoiżmu u r-rebgħa għall-flus, lilek radmuk taħt borġ ġebel u rnexxielhom jifirduna. Firduna fiżikament biss, għax int tibqa’ għal dejjem f’qalbi u f’moħħi.” Kienet din l-introduzzjoni ta’ messaġġ li kmieni dalgħodu kiteb Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam Pace li 8 xhur ilu mietet wara li ġġarfet id-dar tagħha waqt li kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni biswit id-dar.

Carmel Pace f’messaġġ emozzjonial sostna li “issa rridu nistennew biss, stennija li l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha, u stennija li jiġu ppublikati r-riformi mwegħda.”

Carmel żied jgħid li jixtieq li ssir inkjesta pubblika dwar il-każ, iżda żied jgħid li qed jikkonvinċi ruħu li lanqas ġiet ikkunsidrata.

Ir-raġel ta’ Miriam qal li “‌l-akbar stennija hi li nerġgħu niltaqgħu u ngħanqu lil xulxin, il-vojt li ħallejt huwa kbir wisq.”

Carmel kiteb ukoll li dan l-aħħar ġietu tentazzjoni jċempel fuq in-numru tagħha, avolja kien jaf li Miriam mhux se tirrispondih.

‌Temm jgħid, “għandna ħafna uġigħ – uġigħ għax tibda tara l-mostru tar-regħba jqajjem rasu u jiġi jitnejjek mid-diżastru li ġab lil din il-familja għażiża tagħna. Kun l-anġlu Kustodju tal-għeżież uliedna u taffilhom l-imrar li ġà daqu, ‌Inħobbok Mir.”
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com