Alfred Sant Jappella Għal Infiq Fattibbli u Ambizzjuż Dwar Il-Klima

 Alfred Sant Jappella Għal Infiq Fattibbli u Ambizzjuż Dwar Il-Klima

Alfred Sant ivvota favur rapport dwar il-finanzjament tal-Green Deal Ewropew u appella biex l-investiment u l-infiq fuq il-klima jkun ambizzjuż u fattibbli.

Filwaqt li laqa’ l-Pjan ta’ Investiment dwar l-Ewropa Sostenibbli bħala ċentrali għas-suċċess tat-tranżizzjoni ħadra, Alfred Sant qal lis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew li huwa essenzjali li s-sostenibbiltà titqiegħed fil-qalba tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment.

Biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Green Deal Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment se jimmobilizza mill-inqas €1 triljun f’investimenti sostenibbli matul l-għaxar snin li ġejjin. Parti mill-pjan, il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, se jkun immirat għal tranżizzjoni ekwa u ġusta u se jimmobilizza mill-inqas €100 biljun f’investimenti matul il-perjodu 2021-2027 biex jappoġġja lill-ħaddiema u liċ-ċittadini tar-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni.

Fi spjegazzjoni tal-vot lill-Parlament Ewropew, Sant enfasizza li l-investituri għandhom ipoġġu fil-prattika għanijiet ambjentali bħala kriterji għall-investimenti.

Mil-lat pubbliku, il-gvernijiet huma mistennija li jibnu infrastrutturi reżiljenti u ekoloġiċi. Bħalissa, l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija qajjem tħassib li l-istrateġiji ta’ dekarbonizzazzjoni jistgħu jiġu pperikolati.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com