Bernard Grech Jgħid Li Clyde Caruana M’Għandux L-Esperjenza Biex Ikun Ministru Tal-Finanzi
F’attività politika fid-Dar Ċentrali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kkritika d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jaħtar lill-ekonomista Dr Clyde Caruana bħala Ministru tal-Finanzi. Dr Grech qal li fi żmien meta qed niffaċċja kriżi finanzjarja u inċertezza bil-Covid-19, ma kellux jafda l-Ministeru tal-Finanzi f’idejn Caruana li skontu huwa mingħajr esperjenza.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ ir-reshuffle li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru bħala kawlata. Qal li l-Prim Ministru kellu bżonn jagħmel din il-kawlata biex jikkalma lill-grupp parlamentari u membri tal-kabinett għax ħafna minnhom ma kinux kuntenti b’dan iċ-ċaqlieq.
Huwa kkritika wkoll bosta bidliet oħra fil-kabinett fosthom dik tal-Ministru Justyne Caruana u qal li ma jistax jifhem kif din reġgġet spiċċat fil-kabinett.
Huwa qal ukoll li l-Gvern falla fil-qasam tat-turiżmu. Qal li bħalissa hawn ħafna lukandi wieqfa u ħafna ħaddiema f’dan is-settur qegħdin jaħdmu bil-four day week. Qal li l-Prim Ministru ħalla ħafna ħsara ssir lil dan is-settur u għandu jitlob apoloġija.