Creditreform Tikkonferma R-Rating Ta’ Malta Fil-Livell Ta’ A+

 Creditreform Tikkonferma R-Rating Ta’ Malta Fil-Livell Ta’ A+

L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Creditreform Rating affermat mill-ġdid ir-rating A+ ta’ pajjiżna, u kkonfermat li l-prospetti ta’ dan ir-rating huma stabbli.

Ir-rapport tal-esperti Ġermaniżi jsostni li pajjiżna għandu track record ta’ “vivid economic growth well above that of the euro area over recent years”. Qalu li r-reżiljenza tal-ekonomija tagħna tirrifletti d-diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi. Fil-fatt, fir-rapport innutaw kif minkejja l-pandemija kien hemm numru ta’ setturi fil-qasam diġitali li tejbu l-operat u d-dħul. Ir-rapport iżid jinnota “the sophistication of Malta’s economic model”.

L-esperti Ġermaniżi jinnotaw kif l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna tul il-pandemija kien aħjar minn dak fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fl-ewwel kwart. Dan kien dovut għall-galbu fl-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq l-ekonomija. Barra minn hekk, frott l-għajnuna tal-Gvern, huwa mbassar li fl-2021 ser ikun hemm irkupru ekonomiku b’saħħtu. Iżidu jgħidu kif “thanks to wage subsidies to safeguard employment, the fallout from the corona crisis on the labour market has been limited”.

L-esperti jemmnu li l-pakkett tal-fondi Ewropej għandu l-potenzjal li jagħmel tajjeb għall-impatt li jista’ jkollu l-andament negattiv fl-ekonomiji ta’ madwarna u jixpruna rkupru aktar qawwi minn dak imbassar.

Fi stqarrija, il-Gvern innota li r-rapport pożittiv ta’ Creditreform huwa t-tieni ċertifikat pożittiv li ngħata l-Gvern Malti f’ġimgħa wara dak tal-Kummissjoni Ewropea li kellu kliem ta’ tifħir għall-baġit tal-Gvern u l-miżuri ekonomiċi ta’ fejda li tħabbru fih biex ikomplu jsostnu lill-familji u n-negozji f’pajjiżna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com