“Dak Li Tħabbar Ilbieraħ Bilkemm Tista’ Ssejjaħlu Attività Aħseb U Ara Avveniment” – Malta Chambers of SME’s

 “Dak Li Tħabbar Ilbieraħ Bilkemm Tista’ Ssejjaħlu Attività Aħseb U Ara Avveniment” – Malta Chambers of SME’s

Il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji qalet li dak li tħabbar ilbieraħ bilkemm tista’ ssejjaħlu attività aħseb u ara avveniment. Qalet li l-parkeġġ offrut b’xejn lill-familji għax-xiri tar-rigali mill-Belt huwa bilanċjat ħafna u sensittiv fiż-żminijiet tal-lum.

Il-Kamra qalet dan fi skond ta’ rapporti skorretti fil-midja li sejħu t-tiżjin li se jsir fil-Belt għall-Milied bħala avvenimenti tal-massa.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li n-negozji tal-Belt kellhom sena ħażina ħafna minħabba Covid. Qalet li numru tajjeb kellhom jagħlqu u li din is-sitwazzjoni qed tiġi sottovalutata ħafna. “Li tqum biex ma jkollokx xogħol għalih hija realtà ħarxa ħafna b’effetti devastanti fuq il-persuna u l-familja”, qalet il-Kamra.

Żiedet li l-belt Kapitali hija ideali għaż-żminijiet attwali għax għandha spazji kbar fil-beraħ.

“In-nies għadhom isibu modi kif igawdu l-beraħ u l-Belt bħalissa hija sigura u mhux utilizzata biżżejjed. Li tenfasizza din il-funzjoni tal-Belt u tagħti lill-familji, li jfittxu li jgawdu ftit ħin ta’ kwalità b’mod sigur, b’parkeġġ b’xejn huwa bilanċjat ħafna u sensittiv fiż-żminijiet attwali.

Qalet li sakemm ikollna l-vaċċin irridu nkunu bilanċjati u sensittivi biex nevitaw riperkussjonijiet severi.

“In-nies iridu jibqgħu jgħixu ħajjithom mingħajr periklu u huwa d-dmir tal-Gvern li jipprovdi spazju bħal dan… huwa wkoll dmiru li jsostni lill-Belt u lill-operaturi privati f’dan iż-żmien kbir ta’ bżonn”, qalet il-Kamra.

Għall-kuntrarju ta’ dak rapportat, il-Kamra qalet li lbieraħ tħabbar li l-ebda Notte Bianca jew attività simili mhi se tiġi organizzata fil-Belt.

“Xi dwal tal-Milied u kor tat-tfal bilkemm jistgħu jissejħu attività, aħseb u ara avveniment. L-Awtoritajiet tas-Saħħa ġew ikkonsultati u hemm protokolli ċari li għandhom jiġu segwiti. Apparti dan kulħadd għandu r-responsabbiltajiet tiegħu xi jsegwi u l-awtoritajiet għandhom jindirizzaw lil kull min jinjorahom”.

Tenniet li l-Kamra tal-SME hija kontra kull irresponsabbiltà u ksur tar-regolamenti tas-saħħa.  “Is-saħħa u l-ekonomija mhumiex kontra xulxin. Għall-kuntrarju jmorru id f’id u aħna nibqgħu nkunu kontra kull tentattiv li nħarbtu dan il-bilanċ minn kull naħa”, temmet tgħid il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com