Rapport ESPAD: L-Użu Tas-Sustanzi Fost L-Istudenti Maltin

 Rapport ESPAD: L-Użu Tas-Sustanzi Fost L-Istudenti Maltin

Skont ir-rapport li ħareġ illum mill-ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and Other Drugs), wieħed minn kull ħames studenti Maltin, fl-età ta’ bejn il-ħmistax u s-sittax-il sena, għandhom aċċess faċli għall-kokaina. L-istess rapport jgħid li 14% tal-istudenti Maltin jgħidu li jsibuha faċli li jkollhom aċċess għad-droga Crack. Dawn il-figuri huma pjuttost allarmanti meta jiġu mqabbla ma’ dik Ewropea.

Skont l-istess rapport, 33% tal-istudenti ta’ dik l-età jgħidu li l-aċċess tal-Kannabis f’Malta huwa faċli. Din taqbel mal-medja ġenerali tal-Ewropja li hija 34%.

L-aċċess għall-alkoħol huwa wkoll stmat għoli ħafna fejn 85% tal-istudenti f’Malta ammettew li l-aċċess għall-alkoħol huwa faċli ħafna, b’figuri li juru li 34% tal-istudenti jkunu ħadu l-alkoħol anka mill-età żgħira ta’ tlettax-il sena, u ġieli anke inqas. Din il-figura hija ekwivalenti tal-medja ġenrali tal-pajjiżi l-oħra fl-UE.

Minn naħa l-oħra insibu 7.4% tal-istudenti li jagħmlu l-użu tas-sigaretti mill-eta żgħira ta’ 13. Din il-figura hija pjuttost baxxa meta tiġi kkumparata mal-pajjiżi l-oħra.

Ir-rapport ikompli jispeċifika kif 14% tal-istudenti Maltin ġieli lagħbu bil-flus f’din l-aħħar sena, filwaqt li 3.8% lagħbu bil-flus online.

Dan ir-rapport li ħareġ illum jibbaża l-istastiċi tiegħu fuq riċerka li saret fl-2019 fuq  total ta’ 99,647 student ta’ bejn 15 u 16-il sena ġewwa 35 stati membru tal-UE.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com