Festa Mużikali: Tibda t-Tieni Fażi Ta’ Mużika Mużika

 Festa Mużikali: Tibda t-Tieni Fażi Ta’ Mużika Mużika

“L-għażla tal-35 kanzunetta ma kinitx faċli għall-ġurija tagħna. Il-kanzunetti kollha ġew evalwati bir-reqqa għal diversi kriterji, u kburin ngħidu li dawn kollha kienu ta’ kalibru mill-aqwa”, sostna s-Sur Raymond Bugeja, iċ-Chairman tal-Bord ta’ Mużika Mużika.

L-ewwel fażi ta’ dan il-festival, li ġiet fi tmiema biss ġimgħa ilu, rat 35 kanzunetta magħżula minn numru sostanzjali ta’ sottomissjonijiet li jilħaq mal-148 kanzunetta. Il-festival, li jilqa’ kemm artisti  ġodda u dawk veterani, irritorna bl-għan li jerġa’ jgħolli l-livell tal-mużika Maltija, billi joffri pjattaforma xierqa u ta’ preġju.

“Ninkoraġġixxu lil dawk kollha li ma rnexxilhomx jgħaddu mill-ewwel fażi biex ma jaqtawx qalbhom u jerġaw jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom is-sena d-dieħla. It-talent Malti huwa abbundanti u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li s-sottomessjonijiet kollha kienu ta’ kwalita’ għolja. Grazzi lil dawk kollha li offrew is-sapport tagħhom u li kienu parti minn dan il-festival”, ikkonkluda s-Sur Bugeja.

Nhar l-Erbgħa 2 ta’ Diċembru, Mużika Mużika ser ikun qed jkompli fil-fażi li jmiss, fejn ser jintagħżlu l-20 kanzunetta semi-finalista tal-festival li ser ikun qed jixxandar fuq tlett iljieli f’Marzu 2021, live fuq TVM. Ġurija esperta ser tevalwa l-35 kanzunetta magħżula s’issa, permezz ta’ interpretazzjoni live mill-artisti, akkumpanjati minn backing track. Tgħid min ser jgħaddi għall-finali?

Dan il-festival huwa produzzjoni ta’ Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Għal aktar informazzjoni dwar il-festival u dwar il-kanzunetti magħżula s’issa, irrikorri fuq www.muzikamuzika.org.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com