Fi Sqallija: Pazjenti Jinqatlu Fl-Ambulanza Sabiex Jagħmlu L-Flus Minn Fuqhom
Investigazzjonijiet juru li persuni li kienu jaħdmu ma’ kumpanija privata fi Sqallija li kienet toffri servizz ta’ ambulanzi, kienu konxjament joqtlu pazjenti sabiex jieħdu aktar flus tas-servizz.
Roberta Rei mill-programm Taljan Le Iene tkellmet ma’ xhieda li tkellmu dwar dan il-każ imsejjaħ “l-ambulanza tal-mewt”.
Wieħed mill-irġiel li intervistat Rei jgħid li flimkien ma ħuh huwa temm il-ħajja ta’ żewġ persuni, u issa qed jaffaċċja akkużi kriminali fuq qtil u eżorzjoni.
Ix-xhud qal, “Kien ikun hemm persuni f’agunija, imma ġieli ma kienux imutu skont ir-rieda ta’ Alla. Il-persuna kienet tkun f’agunija u tkun se tmur xorta waħda… aħna konna noqtulhom minn qabel u b’hekk indaħħlu €300 minflok €50, €30 jew €20”.
Ir-raġel li xehed dwar dan ma’ Roberta Rei qal li kienu jirċievu l-flus minngħand agenzija tal-funerali li kienet assoċjata mal-mafia. “Kienet issir għall-flus, għall-flus biss!”
Huwa qal li l-qtil kien isir billi jinjettaw arja fil-vina tal-pazjenti waqt li jkunu qed iwassluhom mill-isptar għad-dar u b’hekk ikollhom il-canula għadha imqabbda. Dan kienu jagħmluh fuq pazjenti li jkunu morda terminali.
Segwi l-filmat sħiħ ta’ Le Iene dwar dan il-każ billi tidħol f’din il-link: