“Fil-Fond Ta’ Qalbi Kont Naf Li Ma Tlifnikx Għal Kollox Fabrizio”
Claudia Faniello kitbet messaġġ fuq facebook li beda hekk: “Grazzi Caritas Malta.”
Irringrazzjat lil dawk kollha involuti fl-impenn biex jagħtu sostenn meħtieġ lil dawk kollha li jirrikorru għal bosta servizzi li joffru.
“B’mod speċjali grazzi lilek Fab, grazzi talli tajtni lil ħija l-kbir lura. Fil-fond ta’ qalbi kont naf li ma tlifnikx għal kollox anki jekk kien hemm is-sofferenza, u t-tama kienet difficli biex insibha”, kitbet Claudia.
Qalet lil ħuha Fabrizio li huwa ta’ eżempju u testimonjanza ta’ storja ta’ suċċess… “grazzi talli ta’ kuljum tgħallem lili, lill-familja tagħna u dawk kollha viċin tiegħek x’inhi t-tama, x’inhu s-sagrificcju, x’inhi l-perseveranza u r-rieda ta’ ħajja serena.”
Qaltlu wkoll li fit-tlajja’ u l-inżul, jinsabu magħqudin, “mhux quddiemek, mhux warajk imma ħdejk sabiex ingawdu l-frott li tant ħdimt għalih. Grata li jien oħtok, kburija bik u b’dak kollu li sawrek. Inħobbok bla qies!”