Ġurnalist Tat-Times Jgħid Li Ġie Offrut Karti Tal-€500 Mill-Avukati Ta’ Yorgen Fenech
Il-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Martin żvela li l-avukat ta’ Yorgen Fenech Gianluca Caruana Curran offrielu mazz karti ta’ €500-il waħda. Dan waqt laqgħa li kellhom bejniethom riċentament.
Ivan Martin li ilu jaħdem ma’ The Times sa mill-2013 qal li l-flus ġew offruti lilu fi tmiem laqgħa ta’ 20 minuta li kellu fil-Belt ma’ Caruana Curran u Charles Mercieca, l-avukat difensur l-ieħor ta’ Fenech li jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huwa żied jgħid li ma jafx kemm-il karta tal-€500 tawh għax m’għoddhomx.
“Jien tajthomlu lura u għedtlu li ma nistax naċċetta ħlas. Infurmajthom ukoll li nitħallas biss minn The Times of Malta, u li m’għandux jerġa’ jagħmel dan ‘il quddiem. ”
Qal li Caruana Curran qallu li “l-ħin jiswa l-flus”, u li offrielu dawk il-flus għax qatt qabel ma kien ittratta ma’ ġurnalisti.
Mistoqsi dwar dan, Caruana Curran qal li l-flus offriehom lil Martin wara li “wassalhom biex jifhmu li setgħu jużaw is-servizzi tiegħu biex jgħinhom jinnewtralizzaw il-preġudizzju fir-rappurtaġġ fil-midja” u li kien biss wara li ġew offruti l-flus li Martin qalilhom li jaħdem full-time ma’ Times of Malta.
Caruana Curran, li huwa n-neputi tad-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal qal li għall-bidu Martin avviċina lit-tim tad-difiża ta’ Fenech, li laqa’ l-opportunità billi jara li Times of Malta kienet “ippreġudikata b’mod konsistenti” fir-rappurtaġġ tagħha tal-każ.
Madankollu, Martin qal li kien Mercieca li avviċinah u l-edituri tat-Times qalu li l-avukati qatt ma lmentaw dwar ir-rappurtaġġ tagħhom.