Ħames Saċerdoti U Reliġjużi Referuti lill-Pulizija Dwar Abbuż Sesswali

 Ħames Saċerdoti U Reliġjużi Referuti lill-Pulizija Dwar Abbuż Sesswali

Is-Safeguarding Commission fi ħdan il-Knisja ta’ Malta imponiet restrizzjonijiet fuq ħames persuni li bejn l-2018 u l-2019 wettqu abbuż sesswali.

Il-Kummissjoni spjegat li dawn il-każijiet, fejn l-allegazzjoni ta’ abbuż sesswali ġiet sostanzjata, kienu jinvolvu saċerdoti djoċesani, saċerdoti reliġjużi u lajċi.

Kien hemm tliet restrizzjonijiet oħra dwar abbuż fiżiku u emozzjonali, u ta’ prattika ħażina.

Il-Kap tal-Kummissjoni Andrew Azzopardi qal li dawn il-każijiet kollha ġew refereti lill-Pulizija.

Azzopardi qal dan waqt li kien qed jippreżenta r-rapport annwali fejn spjega li l-Knisja hi proattiva billi tirrapporta l-każijiet lill-Pulizija jew lis-servizzi soċjali biex tiżgura li l-allegazzjonijiet ta’ abbużi jiġu investigati wkoll mill-awtoritajiet kompetenti.

Huwa qal li fl-2018, il-Kummissjoni rċeviet 19-il allegazzjoni ġdida li jinvolvu minuri u 10 li jinvolvu adulti vulnerabbli.

Il-Kummissjoni kkonkludiet 17-il evalwazzjoni li jinvolvu l-minuri. Minn dawn l-ilmenti, 6 ġew sostanzjati, wieħed kien jittratta kwistjoni ta’ prattika ħażina, erbgħa kienu infondati, tnejn ma kinux sostanzjati, wieħed kien jinvolvi persuna li mhix impjegata tal-Knisja, u tlieta ġew referuti lil terzi persuni minħabba li ma kinux relatati ma’ safeguarding.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li mill-10 evalwazzjonijiet li saru ta’ adulti vulnerabbli, sebgħa minnhom ġew referuti għal terzi persuni peress li ma kinux kwistjoni ta’ safeguarding, wieħed ma kienx sostanzjat, wieħed kien infondat u l-ieħor kien kwistjoni ta’ prattika ħażina.

Fl-2019, daħlu 16-il allegazzjoni li jinvolvu minuri u tmienja li jinvolvu adulti vulnerabbli. Il-Kummissjoni kkonkludiet tmien evalwazzjonijiet li jinvolvu minuri, fejn sabet li tnejn minnhom kienu sostanzjati, tnejn ma kinux sostanzjati u wieħed fejn il-persuna ma kinitx impjegata tal-Knisja. Ilment ieħor kien jinvolvi xi ħadd li kien miet u f’żewġ ilmenti oħra ma setgħetx tiġi identifikata l-persuna minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.

Il-Kummissjoni kkonkludiet tliet evalwazzjonijiet li jinvolvu adulti vulnerabbli, fejn tnejn minnhom ma ġewx sostanzjati u wieħed kien infondat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com