Il-Fond Tas-Salarji Tas-Suldati Se Jiżdied Bi €8.2 Miljun Fis-Sena

 Il-Fond Tas-Salarji Tas-Suldati Se Jiżdied Bi €8.2 Miljun Fis-Sena

Il-Gvern iffirmat l-ewwel ftehim settorjali mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li se jara l-fond tas-salarji tal-Armata jiżdied bi €8.2 miljun fis-sena.

Dan il-ftehim settorjali se jara 1,750 suldat igawdu minn titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tagħhom, huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu għaliex is-suldati kienu rappreżentanti mill-union tal-għażla tagħhom wara li l-Gvern ta dan id-dritt lill-membri tal-forzi dixxiplinati.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Air Wing tal-Armata li matulha ġie ffirmat il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela qal li b’dan il-ftehim se nkomplu naraw lill-Armata tikber, tissaħħaħ u timxi ’l quddiem. Sostna li Gvern immexxi minnu tabilħaqq u bil-provi jemmen fil-ħidma tal-forzi dixxiplinati.

Permezz ta’ dan il-ftehim is-suldati kollha se jitilgħu skala. B’hekk se jkun hemm titjib fil-paga u eventwalment dan ikollu anke impatt pożittiv fuq il-pensjoni tagħhom. B’dan il-ftehim is-suldati se jibdew ikunu kkumpensati finanzjarjament għas-sigħat maħduma wara 40 siegħa. Dan il-prinċipju daħal fis-seħħ taħt din l-amministrazzjoni fejn ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati jitħallsu tas-sigħat li jaħdmu. Sal-lum is-suldati kienu jaħdmu għadd ta’ sigħat żejda fil-ġimgħa, fuq l-40 siegħa, u li tagħhom ma kinux jitħallsu.

Il-ftehim jassigura wkoll li jkun hemm żidiet sostanzjali fl-allowances li diġà jeżistu fil-Forzi Armati ta’ Malta. B’dan il-pass se jkunu rikonoxxuti aħjar ċertu speċjalizzazzjonijet.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega li lill-ħaddiema l-gvern ma jirringrazzjahomx bil-kliem biss. “Illum nifirħu flimkien għax il-pajjiż qed isellem il-ħidma tagħkom,” qal il-Ministru Camilleri li fisser kif dan il-ftehim jagħti valur u rispett ikbar lix-xogħol li jwettqu l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Ministru Camilleri nnota kif dan hu ftehim ieħor li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li l-gvern qed jiffirma waqt li qegħdin f’pandemija. Tenna li l-gvern jinsab wara s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta “illum u dejjem.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com