Il-Gvern Itenni Li Dis-Sena Tħassru L-Avvenimenti Maġġuri Kollha Tal-Festi Tal-Milied
B’referenza għal numru ta’ rapporti żbaljati u kummenti li saru b’reazzjoni għal dawn l-istejjer, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali tennew li din is-sena tħassru l-avvenimenti ewlenini kollha tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Fi stqarrija, il-Ministeri spjegaw li kif diġà ġie spjegat fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din is-sena mhux se jkun possibbli li jiġu organizzati l-avvenimenti tal-massa jew l-attivitajiet annwali li jsiru s-soltu waqt il-Milied.
Tħassru l-avvenimenti maġġuri kollha inkluż ‘Fairyland’.
Qal li kontra l-impressjoni li ngħatat minn xi wħud, mhu minnu xejn li fil-Belt Valletta, jew f’xi lokalitajiet oħra, se jittellgħu xi parties jew serati ta’ divertiment.
Kif ukoll diġà ġie spjegat fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, b’konsultazzjoni sħiħa mal-komunità kummerċjali tal-belt kapitali, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se żzejjen biss it-toroq ewlenin, se tinxtegħel is-Siġra tal-Milied, se jintrama l-presepju, kif ukoll se ssir projezzjoni ta’ dwal fuq il-faċċata tal-Palazz tal-President u fi Pjazza San Ġorġ.
Il-ħsieb tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta huwa li, permezz ta’ mużika, korijiet żgħar u arti performattiva, il-familji u t-tfal Maltin u Għawdxin li jagħżlu li jidħlu l-Belt Valletta biex jixtru r-rigali lill-qraba tagħhom jew biex jieklu fir-ristoranti matul dak il-perjodu, jkunu jistgħu jidħlu fl-ispirtu pożittiv tal-Milied.
Ingħadu li fuq direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, dawn l-inizjattivi żgħar u fil-miftuħ se jkunu konformi b’mod assolut mad-direttivi u l-protokolli li jkunu fis-seħħ. Qalu li kull persuna li tidħol fil-Belt Valletta trid ukoll tirrispetta l-liġijiet eżistenti fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri u s-social distancing.
Il-Ministeri saħqu li s-saħħa tan-nies tibqa’ priorità u għalhekk ittieħdu d-deċiżjonijiet li tħabbru biex l-atmosfera tal-Milied tinħoloq skont ir-realtà differenti li qed ngħixu fiha u bil-prekawzjonijiet li kulħadd irid isegwi b’rispett lejh u lejn ħaddieħor.