Il-Pajjiżi Ewropej Fosthom Malta Se Jixtru 300 Miljun Doża tal-Vaċċin Ta’ Pfizer
Jumejn wara li sar magħruf li l-vaċċin tal-kumpaniji farmaċewtiċi BioNTech u Pfizer huma aktar minn 90 fil-mija effettivi kontra l-Covid-19, il-Kummissjoni Ewropea llum se tidħol fi ftehim magħhom biex tixtri aktar minn 300 miljun doża tal-vaċċin tagħhom kontra l-coronavirus.
“Dan huwa l-aktar vaċċin li s’issa qed jagħti riżultati tajbin”, qalet fi stqarrija l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Dan huwa r-raba’ ftehim li daħlet għalih il-Kummissjoni Ewropea wara li aktar kmieni din is-sena, il-pajjiżi Ewropej tawha s-setgħa li tinnegozja hi f’isimhom kuntratti dwar ix-xiri ta’ vaċċin.
Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea qed timbotta l-idea li deċiżjonijiet marbuta mas-saħħa tibda teħodhom hi flok il-pajjiżi Ewropej. Dan wara bosta problemi li rriżultaw fil-kriżi tal-pandemija b’bosta pajjiżi wieġbu għal dan il-virus b’mod differenti u b’nuqqas ta’ kordinazzjoni.
B’dan l-argument, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropew biex jagħtuha aktar poter legali biex toħloq dik li qed tissejjaħ “Health Union” biex tkun tista’ tmexxi aħjar kriżijiet li jistgħu jinqalgħu fil-futur.