Il-PL Jirringrazzja Lil Edward Scicluna Għall-Ħidma Tiegħu Lejn Pajjiżna

 Il-PL Jirringrazzja Lil Edward Scicluna Għall-Ħidma Tiegħu Lejn Pajjiżna

Il-Partit Laburista rringrazzja lill-Prof. Edward Scicluna għall-ħidma li wettaq fil-kariga ta’ Ministru għall-Finanzi f’dawn l-aħħar seba’ snin.

Dan wara li lbieraħ il-Gvern ħabbar li l-Prof. Scicluna se jkun nominat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali u se jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu ta’ Ministru u Deputat Laburista.

Fi stqarrija, il-PL qal li fl-2013, Gvern Laburista wiret pajjiż b’sitwazzjoni ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv akkumulati taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti.

Qal li kien il-Ministru Scicluna li tul dawn l-aħħar snin permezz tal-gwida tiegħu, mhux biss ħareġ lil Malta minn din is-sitwazzjoni fiskali meqjusa bħala mażra ma’ saqajn il-pajjiż iżda li wassal għal tkabbir ekonomiku bla preċedent.

Il-PL innota li b’dan it-tkabbir, pajjiżna seta’ jikseb surplus wara ieħor u Gvern Laburista seta’ jħabbar Baġits impekkabbli li tejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u fl-aħħar mill-aħħar lill-pajjiż.

Semma li dan l-aħħar rajna wkoll kif dan l-għaqal ekonomiku miksub taħt il-Ministru Scicluna poġġa lil pajjiżna f’pożizzjoni mill-iktar b’saħħitha sabiex jiġġieled il-pandemija Covid-19.

Il-Partit Laburista temm jawgura lill-Prof. Scicluna għall-kariga ġdida li għaliha huwa ġie nnominat u rringrazzjah talli taħt il-gwida tiegħu Malta llum għandha l-aqwa ekonomija fl-Ewropa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com