Il-PN Jiddisassoċja Ruħu Mill-kandidatura ta’ Ryan Mercieca Fuq It-13-Il Distrett

 Il-PN Jiddisassoċja Ruħu Mill-kandidatura ta’ Ryan Mercieca Fuq It-13-Il Distrett

Il-PN qal li qiegħed jiddisassoċja ruħu minn Ryan Mercieca, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien kandidat fuq tal-istess partit fuq it-13-il Distrett.

Fi stqarrija, il-PN qal li fid-dawl tal-elezzjoni każwali fuq it-13-il Distrett, il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media tal-Partit Nazzjonalista waslet għall-konklużjoni li Mercieca ma rnexxielux jagħti spjegazzjoni sodisfaċenti għall-akkużi serji li kienu saru fil-konfront tiegħu. Għalhekk qalet li ma tistax tqisu bħala kandidat li għandu joħroġ f’isem il-PN għall-elezzjoni każwali.

Il-PN qal li wara li Mercieca iddikjara li mhux dispost joqgħod għad-direzzjoni tal-Partit u li xorta waħda kien bi ħsiebu joħroġ għall-istess elezzjoni każwali, il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media irrakkomandat li l-Partit Nazzjonalista jiddissasoċja ruħu mill-kandidatura ta’ l-istess Ryan Mercieca u li jibda l-proċeduri meħtieġa għat-tkeċċija tiegħu mill-Partit.

Il-Partit Nazzjonalista qal li laqa’ u qed jagħmel tiegħu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u b’effett immedjat iddissasoċja ruħu minn Mercieca.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com