Il-Pulizija Tarresta Żewġ Barranin B’Rabta Ma’ Serq Ta’ Dehbijiet u Flus mis-Swieqi
Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan, wasslet għall-arrest ta’ żewġ barranin li matul il-lejl li għadda allegatament wettqu serqa minn djar privati fis-Swieqi.
Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tal-5.20 a.m, meta l-Pulizija ġew infurmati li hemm persuna suspettuża li daħlet f’residenza fi Triq il-Kejla, is-Swieqi.
Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 24 sena u arrestawh.
Irriżulta ukoll li l-istess persuna kienet involuta f’serqa oħra minn residenza fl-istess triq. Minn tfittxija li saret fuqu, instabu diversi oġġetti ta’ valur u flus kontanti li nsterqu minn dawn ir-residenzi.
Il-persuna arrestata kienet ukoll fil-pussess ta’ sustanza suspettata droga.
Minn iktar investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett, ġiet identifikata persuna oħra allegatament involuta f’dawn is-serqiet.
F’ħidma kkordinata bejn tad-Distrett u l-RIU, ġie arrestat raġel f’residenza fil-Fgura. Waqt tfittxija li saret instabu oġġetti oħra li nsterqu mis-Swieqi.
Iż-żewġ irġiel barranin qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.
L-investigazzjonijiet dwar dan l-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.