Il-Pulizija Tinvestiga Allegat Swat Minn Pulizija Għax Kien Bla Maskla
Il-Pulizija għaddejja b’investigazzjoni biex tistabbilixxi l-fatti dwar każ ta’ allegat swat li seħħ ilbieraħ minn pulizija fuq żagħżugħ għax ma kienx liebes maskla f’Paceville.
Kienet Simone Camilleri, omm iż-żagħżugħ li fuq Facebook ippubblikat ritratt ta’ binha b’dahru mbenġel. Hija żiedet tgħid li binha kellu wkoll xi ġrieħi f’rasu.
Camillieri qalet li taqbel li l-Pulizija jimmultaw lil dawk li jinqabdu barra bla maskla, iżda żgur mhux mal-mod kif allegatament ġie msawwat binha.
Hija appellat lill-pubbliku għall-għajnuna u ħeġġet lin-nies biex ixerrdu r-ritratt ta’ binha.
Kelliem għall-pulizija qal li l-allegazzjonijeit tal-omm qegħdin jiġu investigati mill-Uffiċċju tal-Istandards Professjonali li jilqa’ ilmenti dwar imġiba mhux etika li allegatament titwettaq mill-pulizija.
L-użu tal-maskli fil-pubbliku huwa obbligatorju bħala miżuri biex twaqqaf it-tixrid tal-Covid-19. Dawk li jinqabdu mingħajr il-maskla jeħlu multa sa €100. Il-multa titnaqqas bin-nofs għal dawk li jaqblu li jħallsuha dak il-ħin.