Illum Il-Europol Mistennija Tippreżenta L-Kontenut Fil-Mobile Ta’ Fenech Fil-Qorti

 Illum Il-Europol Mistennija Tippreżenta L-Kontenut Fil-Mobile Ta’ Fenech Fil-Qorti

Esperti tal-Europol mistennija llum jippreżentaw fil-qorti ammont kbir ta’ data li nġabret mit-tagħmir teknoloġiku ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Rapporti fil-midja qalu li llum l-esperti tal-Europol se jkunu qegħdin jippreżentaw e-mails, messaġġi bil-mobile, ritratti u dokumenti oħrajn li fl-aħħar snin ingħad li kienu soġġetti għal għadd ta’ investiagzzjonijiet.

Sorsi li marru jitkellmu mal-gazzetti qalu li minn analiżi tal-informazzjoni li għamlu s’issa ma ħarġet ebda evidenza ġdida ta’ persunni oħrajn li jistgħu b’xi mod kienu involuti fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Yorgen Fenech iddikjara li kien Keith Schembri li ordna l-qtil, iżda s’issa l-investigaturi qatt ma sabu xi evidenza li kien Schembri l-moħħ wara dan il-qtil. Schembri huwa s-suspettat li ta dettalji sensittivi dwar l-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel il-pulizija lil Fenech.

Hu mifhum li l-investigaturi għandhom screenshots ta’ konversazzjonijiet li saru bejn Fenech u Schembri fis-sigħat bikrin tal-20 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet meta Fenech allegatament kien se jipprova jaħrab minn Malta bil-jott lussuż tiegħu.

Chats oħrajn ingħad li jinkludu parir li ta Ray Fenech, iz-ziju ta’ Yorgen, lil Fenech innifsu biex ma jinqabadx ladarba jħalli Malta. Fenech ċaħad bosta drabi li ried jaħrab il-ġustizzja, u insista li dakinhar huwa kien fi triqtu lejn Sqallja biex hemmhekk issirlu l-manutenzjoni fuq il-jott tiegħu.

L-investigaturi mhux jeskludu li seta’ kien hemm pjan ieħor għaddej fl-istess żmien biex tinqatel Caruana Galizia.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa xehed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia li l-Pulizija għad trid tistabbilixxi l-motiv wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-Pulizija Maltija rnexxielha tarresta lill-allegati eżekuturi bid-delitt ta’ Caruana Galizia fi żmien 50 jum. L-investigazzjoni tagħhom bl-għajnuna ta’ esperti forensici mill-FBI u l-Europol wasslet ukoll biex fi żmien rekord jarresta l-uniku suspettat mandant bi qtil ta’ karozza bomba f’50 sena.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com