Illum Jum l-Elezzjoni Fl-Istati Uniti: Trump Jew Biden?
Illum huwa jum l-elezzjoni fl-Istati Uniti, elezzjoni li ġġib magħha nteress internazzjonali, u din id-darba xejn inqas biex ikun magħruf jekk Trump hux se jagħmel it-tieni terminu tiegħu jew inkella hux ser jirbaħ Joe Biden f’isem id-Demokratiċi.
Naturalment elezzjoni fl-Istati Uniti hija ferm differenti minn dik ta’ Malta, f’din l-elezzjoni hemm mal-240 miljun ċittadin eliġibbli li jivvotaw u l-votazzjoni fl-Istati kollha bdiet numru tal-ġimgħa ilu, fil-fatt sa issa diġa vvutaw aktar minn 93 miljun persuna.
Minħabba d-differenza fil-ħin bejn l-Istati kollha, il-postijiet jiftħu u jagħlqu f’ħinijiet differenti biex fis-sigħat bikrin ta’ għada filgħodu jkun hemm l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat.
Naturalment is-sistema ta’ kif President jiġi elett hija waħda kumplessa, iżda l-President ma’ jkunx elett bil-vot nazzjonali imma jrid jirbaħ biżżejjed Stati. Dan ifisser li kull stat li jirbaħ kull kandidat, jikseb numru ta’ “electoral votes” li jkunu determinati skont il-popolazzjoni f’dak l-istat partikolari, biex il-kandidat jirbaħ il-White House irid iġib 270 “electoral votes”.