Inawgurat “Il-Pont Tal-Għaqda” f’Kordin

 Inawgurat “Il-Pont Tal-Għaqda” f’Kordin

B’investiment ta’ madwar €1.6 miljun, dalgħodu ġie inawgura “il-Pont tal-Għaqda” li se jkun qiegħed jgħaqqad il-komunità li tgħix fin-naħa ta’ Kordin mal-qalba ta’ Raħal Ġdid.

Il-pont ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.

Id-disinn li ġie addottat għal-pont jikkumplimenta l-estetika tal-pajsaġġ. Minbarra din l-infrastruttura ta’ kwalità aħjar għan-nies, il-proġett jinkludi wkoll numru ta’ faċilitajiet bħal lifts u rampi għal aċċessibbiltà aħjar, sistemi adekwati ta’ dwal u CCTV għas-sigurtà. Apparti dan, fil-madwar inżergħu150 siġra indiġena u 65 arbuxxell minn Infrastructure Malta.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li hija prijorità għal dan il-gvern li nassiguraw li jkollna mhux biss toroq ta’ kwalità iżda toroq aktar siguri.

Qal li bħala missier jifhem it-tħassib li kellhom ħafna ġenituri li għandhom uliedhom jattendu l-MCAST minħabba l-perikli biex jaqsmu din it-triq.

Il-Prim Ministru nnota li b’dan il-pont issa għandna rotta eħfef u ħafna iktar sigura minn Ġnien il-Mediterran, l-aktar għal eluf ta’ student li jimxu, isuqu r-rota jew jużaw it-trasport pubbliku biex imorru l-MCAST jew l-Iskola Mariam Al Batool li tinsab ftit ’il fuq fit-telgħa” qal il-Prim Minsitru

Min-naħa tiegħu il-Ministru Ian Borg qal li llum qed naraw proġett ieħor frott l-impenn infrastrutturali li għandu dan il-gvern għal pajjiżna. “Nirringrazzja lill-Infrastructure Malta tal-ħidma impenjattiva u kontinwa tagħhom biex dejjem jinħolqu faċilitajiet siguri u ta’ kwalità għolja għall-utenti tat-toroq kollha, b’mod speċjali dawk li jkunu aktar vulnerabbli.

Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-isem Pont tal-Għaqda ġie mill-fatt li se jkun qed jgħaqqad l-MCAST u Kordin mal-kumplament ta’ Raħal Ġdid u se jiffaċilita l-aċċess għal madwar 9,000 student u 1,000 edukatur li jmorru l-MCAST ta’ kuljum.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com