Inawgurata Boutique Hotel Lussuża Fil-Belt B’Investiment Ta’ €20M.

 Inawgurata Boutique Hotel Lussuża Fil-Belt B’Investiment Ta’ €20M.

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela, inawguraw uffiċjalment il-boutique hotel Iniala Harbour House & Residences li tinsab qrib is-Sur ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta.

B’investiment ta’ €20 miljun, din il-lukanda li toffri veduti spettakolari tal-Port il-Kbir għandha l-għan li ġġib lejn pajjiżna turisti ta’ kwalità. Il-lukanda se toffri esperjenza mill-isbaħ lir-residenti li jagħżlu li jqattgħu l-btala tagħhom fil-qalba tal-kapitali Valletta li fl-aħħar snin trasformat ruħha f’belt mill-isbaħ bi proġetti u investimenti pubbliċi u privati tal-ogħla kwalità.

Mgħammra bi 23 kamra state of the art u bi suites distinti, l-estetika hija unika u l-faċilitajiet li r-residenti jsibu fil-kmamar huma fost l-ewwel tat-tip tagħhom f’pajjiżna. Id-disinn tal-kmamar huwa ispirat mill-identità Maltija.

Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Lydia Abela awguraw lill-imprenditur u l-fundatur tal-Grupp Iniala Mark Weingard li permezz ta’ dan l-investiment ħoloq 40 impjieg ġdid bl-għadd ta’ ħaddiema mistenni jitla’ għal 60 ruħ.

Mark Weingard qal li l-grupp huwa eċitat li jiftaħ il-bibien ta’ din il-lukanda għar-residenti li se jkollhom iċ-ċans jaraw kif id-disinjaturi rnexxielhom iżewġu l-istorja Maltija mal-innovazzjoni li joffri l-post innifsu.

Żied li l-ambizzjoni tiegħu u tat-tim hija li jiftaħ il-bibien ta’ pajjiżna għal klassi ġdida ta’ vjaġġaturi internazzjonali: individwi li jfittxu esperjenzi uniċi fis-safar tagħhom u li jagħżlu li joqogħdu fl-aqwa postijiet ta’ akkomodazzjoni. “Nittamaw li b’dan il-proġett, Malta se tkun destinazzjoni ta’ lussu u li tilħaq ix-xewqat ta’ dawk li jżuru din il-gżira li tant għandha x’toffri,” qal is Sur Weingard.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li lukanda oħra ta’ livell għoli fetħet il-bibien tagħha fil-belt kapitali. Hija qalet kif dan hu eżempju ieħor ta’ kif Malta qed tattira investimenti tal-aqwa livelli li dan jorbot id f’id mal-istrateġija tal-Gvern Malti li tiffoka fuq prodott turistiku ta’ eċċellenza.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com