Irrilokat Il-5 Grupp Ta’ Immigranti Irregolari Minn Settembru S’Issa

 Irrilokat Il-5 Grupp Ta’ Immigranti Irregolari Minn Settembru S’Issa

Eżerċizzju ieħor ta’ rilokazzjoni sar l-Erbgħa filgħodu wara li grupp ta’ immigranti ġew rilokati lejn il-Ġermanja. Minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19, dan l-eżerċizzju ta’ rilokazzjoni kien il-ħames wieħed li sar minn Settembru li għadda. L-immigranti rilokati jkollhom it-talba tagħhom għall-ażil iddeterminata fi stati membri oħra.

L-eżerċizzju ta’ rilokazzjoni ġie kkordinat flimkien mal-Kummissjoni Ewropea wara t-talbiet ta’ Malta li għandu jkun hemm qsim tar-responsabbiltà tal-immigranti irregolari li jaslu fix-xtut Ewropej.

Ir-rilokazzjoni tagħti opportunità lill-awtoritajiet Maltin biex inaqqsu l-pressjoni fuq iċ-ċentri tal-immigranti u jindirizzaw id-dewmien fil-proċess tal-ażil. Ir-rilokazzjoni hija waħda mill-pilastri tal-istrateġija tal-Gvern dwar l-immigrazzjoni irregolari flimkien ma’ miżuri oħrajn fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fiċ-Ċentru tal-Mediterran u r-ritorn tal-immigranti lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom.

Ix-xogħol fuq dawn l-inizjattivi sar bejn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u l-kontropartijiet tagħhom fl-istati membri oħra. Wegħdiet oħra għar-rilokazzjoni ta’ aktar immigranti lejn Stati Membri oħra huma ppjanati li jitwettqu fiż-żmien li ġej.

It-tħejjijiet għar-rilokazzjoni tal-immigranti seħħew ukoll bl-assistenza tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil (EASO). Il-proġett ta’ rilokazzjoni huwa kofinanzjat mill-għajnuna ta’ emerġenza tal-Unjoni Ewropea taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF).

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com