Is-Seba’ Flyovers Tal-Marsa Junction Project Issa Miftuħin Kollha

 Is-Seba’ Flyovers Tal-Marsa Junction Project Issa Miftuħin Kollha

Is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project issa jinsabu miftuħin għat-traffiku bejn ir-rotot ewlenin li jingħaqdu flimkien f’din l-aktar ħolqa li minnha jivvjaġġaw persuni fit-toroq Maltin.

default

Is-Sibt filgħodu, Infrastructure Malta fetħet mill-ġdid it-tliet strutturi ta’ flyovers li lestiet fl-2019. Il-flyovers issa huma miftuħin fid-direzzjoni tagħhom, lejn it-Tramuntana, wara li għal dawn l-aħħar 14-il xahar kienu qed jintużaw  fid-direzzjoni opposta. Dil-ġimgħa, tlestew l-aħħar xogħlijiet ta’ dawn l-istrutturi, fosthom l-aħħar kisja asfalt u l-installazzjoni tal-expansion joints. Dawn ix-xogħlijiet ma setgħux isiru sakemm il-flyovers kien għadhom meħtieġa bħala rotot temporanji lejn in-Nofsinhar.

Dawn it-tliet flyovers issa qed jiffurmaw konnessjoni diretta lejn il-Marsa u ċ-ċentru tal-pajjiż.

Xahar ilu nfetħu wkoll it-tliet flyovers ta’ taħt dawk li nfetħu mill-ġdid is-Sibt. Dawn l-istrutturi ta’ flyovers jinkludu korsiji diretti lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż. Dan l-aħħar l-aġenzija fetħet ukoll is-seba’ flyover ta’ dan il-proġett, sabiex tgħaqqad il-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija mal-korsiji ġodda li jwasslu għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata, il-park and ride ġdid li qed jinbena bħalissa u ma’ Triq il-Gvern Lokali, fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi (ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok).

Il-ħaddiema issa qed jiffukaw fuq l-aħħar medda ta’ korsiji ġodda li se tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Aldo Moro ma’ Vjal Sir Paul Boffa, fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Kordin, Raħal Ġdid u l-Kottonera. Din l-aħħar konnessjoni tal-proġett ser tkun lesta sal-aħħar tas-sena. Infrastructure Malta fetħet il-konnessjoni fid-direzzjoni bil-kontra bejn dawn iż-żewġ toroq, permezz ta’ żewġ korsiji ġodda taħt il-flyovers, is-sajf li għadda.

Wasal fl-aħħar ukoll ix-xogħol fuq il-bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, il-faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq li jiffurmaw parti mill-istess proġett. L-aġenzija dalwaqt ser tiftaħ il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija mal-inħawi tal-Marsa Sports Grounds.

Madwar din l-infrastruttura ġdida, Infrastructure Malta qed tifforma diversi żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar ġodda u erba’ xogħlijiet artistiċi kbar. Qed tibni ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħażna ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija ta’ dawn iż-żoni mħaddrin. Il-kuntratturi tal-proġetti qed ilestu wkoll aktar minn 13-il kilometru ta’ servizzi taħt l-art, fosthom pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma u katusi għad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com