It-Talba Ta’ Jason Azzopardi Għal Investigazzjoni Hija Superfluwa – Il-Kummissarju tal-Istandards

 It-Talba Ta’ Jason Azzopardi Għal Investigazzjoni Hija Superfluwa – Il-Kummissarju tal-Istandards

Il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ma laqax it-talba li għamel il-Ħadd li għadda d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi biex jinvestiga l-btala ta’ ħamest ijiem li qatta fil-lukanda Hilotn f’Tel Aviv u li tħallsitlu minn Tumas Group.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju Hyzler ikkonferma li l-Uffiċċju tiegħu ma jistax jinvestiga dan il-każ għax hu prekluż milli jinvestigah peress li l-btala seħħ qabel it-twaqqif tal-uffiċċju tiegħu f’Ottubru tal-2018.

Dr Hyzler innota li d-deputat Nazzjonalista kien jaf li l-uffiċċju tiegħu ma setax jinvestiga dan il-każ.

“L-offerta ta’ Dr Azzopardi li jpoġġi lilu nnifsu kompletament għad-dispożizzjoni tiegħi hija superfluwa stante li hija l-liġi li tissoġġettah għall-ġurisdizzjoni tiegħi f’kaz li kelli nibda investigazzjoni u għalhekk id-disponibbiltà tiegħi f’każ li kelli nibda investigazzjoni, u għalhekk id-disponibbiltà tiegħu mhix diskrezzjonarja jew konċessjoni.

Dwar id-dikjarazzjoni ta’ Jason Azzopardi li huwa rreċiproka l-ospitalità b’rigal tal-fidda, il-Kummissarju Għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika osserva li bħala prinċipju ġenerali, jekk deputat jingħata rigal, inkluż ospitalità, u jirreċiprokah b’rigal min-naħa tiegħu, dan ma jikkanċellax ir-rigal mogħti lid-deputat u ma jeżentax lid-deputat mid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kodiċi tal-Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

Dr Hyzler qal li kien qed jagħmel din l-osservazzjoni indipendentament minn jekk hux minnu jew le li Dr Azzopardi rreċiproka l-ospitalità permezz ta’ rigal u jekk ir-rigal li huwa allegatament xtara kienx ta’ valur ekwivalenti.

Għaldaqstant qal li mhux eskluż li f’ċerti ċirkostanzi jista’ jilqa’ talbiet ġenwini għal investigazzjoni minn persuni suġġetti għall-Att dwar aġir tagħhom stess.

Qal li l-aġir tat-talba ta’ Azzopardi seħħ f’Marzu jew f’Lulju 2007 u għalhekk hu prekluż milli jinvestigah.
Il-Kummissarju qal li kien qed jippubblika din id-deċiżjoni wara li Azzopardi ppubbliċizza t-talba biex jinvestiga l-aġir tiegħu stess.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com