It-Testijiet Tal-MRI Se Jiżdiedu B’100 Fil-Ġimgħa B’Magna Ġdida F’Mater Dei

 It-Testijiet Tal-MRI Se Jiżdiedu B’100 Fil-Ġimgħa B’Magna Ġdida F’Mater Dei

Prime Minister Robert Abela inaugurates a new MRI unit Mater Dei Hospital, Msida

Investiment f’magna ġdida tal-MRI fl-Isptar Mater Dei se jwassal biex it-testijiet tal-MRI jiżdiedu b’100 oħra fil-ġimgħa.

Il-magna l-ġdida li saret b’investiment ta’ €3.5 miljun ġiet inawgurata mill-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi,

Il-Prim Ministru Abela qal li dan l-investiment se jkompli jgħin biex tonqos l-istennija ta’ dawk il-pazjenti li jkunu jeħtieġu jagħmlu dan l-eżami mediku.

Fil-fatt, fl-Isptar Mater Dei jsiru madwar 700 eżami tal-MRI fil-ġimgħa, b’100 minnhom isiru fi sptarijiet oħra. B’din il-magna l-ġdida, li parti minnha ġiet iffinanzjata minn fondi Ewropej, se jibdew isiru mal-100 eżami tal-MRI aktar fil-ġimgħa.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li din il-magna se tintuża fost l-oħrajn għall-MRIs tal-qalb, fejn f’dawn l-aħħar sitt snin id-domanda żdiedet minn 20 għal 300 kull sena.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-finanzjament tal-apparat tal-MRI kien ta’ €3.5 miljun kofinanzjati b’fondi Ewropej u jifforma parti minn proġett ferm ikbar ta’ €38 miljun.

Fl-inawgurazzjoni ġie spjegat li l-magna l-ġdida hija tal-aħħar teknoloġija fis-suq u għall-ewwel darba se ssir kollaborazzjoni bejn l-Isptar Mater Dei u l-Università ta’ Malta sabiex il-komunità medika lokali tkun tista’ tagħmel ir-riċerka mixtieqa.

Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, qal li tagħmir bħal dan se jkun utli għal diversi oqsma u ta’ ġid għall-istudenti fosthom għal dawk li qed jistudjaw l-inġinerija u l-mediċina fost l-oħrajn.

“L-isptar qiegħed jagħmel użu minn dan l-investiment filwaqt li l-Università se tiggwadanja mir-riċerka,” qal il-Prof. Vella.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com