It-Tielet Suspettat Bil-Qtil Doppju F’Tas-Sliema Mistenni Jiġi Estradiet Lejn Malta

 It-Tielet Suspettat Bil-Qtil Doppju F’Tas-Sliema Mistenni Jiġi Estradiet Lejn Malta

It-tielet suspettat implikat fil-qtil doppju li seħħ f’Awwissu li għadda f’Tas-Sliema mistenni jiġi estradiet lejn Malta sal-aħħar tax-xahar.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu f’ġurnali lokali li Jesper Kristiansen tilef il-kawża li għamel fi Spanja biex ma jiġix estradiet lejn Malta. Huwa telaq minn Malta malli intebaħ li l-Pulizija kienu qrib ħafna li jsolvu l-każ.

Hu mifhum li d-Daniż qed jistenna li jkollu d-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jivjaġġa lejn Malta taħt sigurtà qawwija. Għad mhux magħruf jekk il-Pulizija Maltija hix se tibgħat kontinġent lejn Spanja biex iġġibu f’pajjiżna jew jekk se tkunx il-pulizija Spanjola li tagħmel dan.

Id-Daniż huwa mfittex mill-Pulizija Maltija biex jiffaċċja akkużi dwar l-involviment tiegħu fil-qtil kiesaħ u biered ta’ Christian Pandolfina u tas-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom li tinsab fi Triq Locker.

Huwa ġie arrestat mill-pulizija Spanjoli madwar ġimagħtejn wara fejn instab jgħix f’lukanda fil-belt ta’ Cadiz. Dan f’operazzoni konġunta li saret bejn il-pulizija Maltija u dik Spanjola taħt il-kappa tal-Interpol.

Dwar dan il-qtil, il-Pulizija arrestat u xliet lil Daniel Muka, Albaniż ta’ 25 sena u lill-Maċedonjan Viktor Dragomanski. It-tnejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Fl-aħħar jiem, Muka li kien involut f’attent ta’ hold-up f’Tas-Sliema nstab fil-pussess ta’ diversi oġġetti fiċ-ċella tiegħu fil-ħabs fejn mhux eskluż li kien qed jippjana li jaħrab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com