Jason Azzopardi Jgħid Li Ma Jiftakarx Jekk Ingħatax Rigali Mingħand Yorgen Fenech
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi naqas milli jsemmi politiku mill-Partit Laburista li fl-aħħar jiem allega fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja li kien involut fl-attentat ta’ hold up mill-bank HSBC fl-2010.
Fil-programm Xtra fuq TVM, il-Ħamis filgħaxija, Azzopardi qal li huwa kien biss qiegħed jirrepeti dak li allega Vince Muscat, il-Koħħu. Muscat huwa wieħed minn tliet eżekuturi li l-Pulizija Maltija arrestat fi żmien 50 jum mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u llum jinsabu mixlija bil-qtil tagħha.
Fl-intervista li kellu fuq ir-radju tal-Knisja s-Sibt li għadda, Jason Azzopardi żied jgħid li dan il-politiku qiegħed fil-kabinett tal-ministri u mhux avukat.
Madankollu meta mistoqsi għal bosta drabi mill-preżentatur Saviour Balzan biex isemmi b’ismu lil dan il-politiku, id-deputat Nazzjonalista insista li din il-mistoqsija trid issir lil Vince Muscat.
Jason Azzopardi ċaħad li huwa qatt implika l-involviment ta’ ministru tal-gvern fil-hold-up u tenna li huwa kulma għamel kien li “rrepeta dak li qal il-Koħħu lill-pulizija”. Madankollu f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn li għadda, Jason Azzopardi tenna din l-allegazzjoni u saħanstira akkuża lill-Kap tal-Aħbarijiet ta’ TVM li m’għamiltx referenza għad-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar dan l-allegat politiku li s-Sibt qal kien involut fl-attentat ta’ hold-up.
Trid tagħmel distinzjoni bejn Fenech in-negozjant u Fenech l-allegat kriminal – Jason Azzopardi
Matul id-diskussjoni li fiha ħa sehem ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, iż-żewġ politiċi kienu mistoqsija jekk qatt irċevewx rigali mingħand Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphen Caruana Galizia.
Zammit Lewis ċaħad u insista li huwa jista’ jipproduċi riċevuti ta’ pagamenti li huwa għamel għal kull attività li saret fil-passat li b’xi mod kienet marbuta ma’ Fenech.
Min-naħa tiegħu, Azzopardi qal li ma jistax jiftakar li huwa rċieva xi ħaġa mingħand Fenech jew mingħad il-grupp Tumas.
Madankollu, id-deputat tal-Oppożizzjoni qal li wieħed ma jistax jiġġudika lin-nies kollha li b’xi mod kellhom kuntatt ma’ Fenech tul is-snin bl-istess mod. Huwa qal li trid issir distinzjoni bejn Fenech in-negozjant u Fenech l-allegat kriminal.
“Mhux in-nies kollha għandhom jiġu ġġudikati bl-istess mod u din id-distinzjoni trid tapplika minn Novembru 2018. Qabel l-2018, Yorgen Fenech kien ċittadin komuni. Wara Novembru 2018, huwa sar magħruf li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, il-kumpanija li kienet involuta fit-tixħim ta’ politiċi bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri,” qal Azzopardi.