Jason Azzopardi Jiftakar li Mar il-Hilton Ta’ Tel Aviv U Ħallaslu Tumas Group

 Jason Azzopardi Jiftakar li Mar il-Hilton Ta’ Tel Aviv U Ħallaslu Tumas Group

Tlett ijiem wara li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma jiftakarx li qatt irċieva xi rigali mingħand il-Grupp Tumas, il-Ħadd filgħodu l-istess deputat ftakar li f’Lulju tal-2017,  kellu l-akkomodazzjoni tiegħu f’lukanda lussuża f’Tel Aviv imħallsa mill-istess Grupp.

Jason Azzopardi kkonferma dan wara li dalgħodu l-gazzetta Illum żvelat li Jason Azzopardi mhux biss kien juża s-servizzi tal-lukanda Hilton b’xejn għax kellu kollox imħallas mill-istess grupp, iżda għamel ħamest ijiem bejn id-19 u l-24 ta’ Lulju tal-2017, fil-lukanda Hilton ta’ Tel Aviv.

Azzopardi kellu l-kamra teigħu mħallsa mill-istess grupp li s-sid tiegħu huwa Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-gazzetta Illum qalet li rat b’għajnejha evidenza rrifjutabbli ta’ dan il-ħlas li gawda minnu Azzopardi.

Fil-programm Xtra tal-Ħamis li għadda, Jason Azzopardi qal li ma jiftakarx li qatt ħa xi ħaġa b’xejn mingħand Tumas Group. Qal li kien hemm differenza kbira bejn dak li ġara qabel Novembru tal-2018 u wara li ħarġet l-istorja li l-kumpanija 17 Black kienet ta’ Yorgen Fenech.

B’reazzjoni għal din l-istorja, Jason Azzopardi kkonferma li f’Lulju tal-2017 kellem liz-ziju ta’ Yorgen Fenech, Ray Fenech ta’ Tumas u staqsih jgħinu biex isib lukanda f’Tel Aviv għax qal li ma seta’ jsib imkien u kellu tieġ f’dan il-pajjiż.

Qal li Fenech sablu lukanda u meta kien qed jagħmel iċ-check out, ir-receptionist qaltlu li tħallaslu kollox. Qal li meta wasal lura Malta bgħattlu messaġġ u qallu li ma kienx qed jistenniha. Qal li ftakar li kif wasal Malta xtralu rigal minn ħanut tal-fidda u ħallihielu fir-reception b’nota ta’ ringrazzjament biex ma jkollu ebda obbligazzjoni.

Ir-reazzjoni ta’ Azzopardi wasslet għal reazzjoni minn bosta fejn ingħad li meta persuna ma ssibx lukanda, ma ċċempiltx negozjant ewlieni biex isiblek lukanda iżda aġenzija tal-ivvjaġġar jew sempliċiment tfittxija fuq l-internet.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com