Kif Nissapportjaw Is-Saħħa Mentali Fuq Ix-Xogħol
Ħafna impjegati madwar id-dinja qiegħdin isofru minn nuqqas ta’ saħħa mentali minn mindu bdiet il-pandemija tal-Covid-19. Iżda x’jistgħu jagħmlu l-maniġers u dawk li jimpjegaw il-ħaddiema sabiex jgħinuhom f’dawn iż-żminijiet mhux daqshekk sbieħ?
Bħalissa kulħadd għaddej minn żminijiet ta’ inċertezzi kbar, kemm minħabba li l-każijiet ta’ nies pożittivi għal dan il-vajrus u kemm minħabba raġunijiet ekonomiċi. Dawn u fatturi oħra qiegħdin iżidu l-istress tal-ħajja, anki fuq il-post tax-xogħol. Ħafna persuni qiegħdin ibgħatu minn trawma, ‘burnout’ u dik li nsejħulha PTSD, u hemm varjanti differenti għal dan l-istress, fosthom responsabbiltajiet tal-ġenituri jew persuni vulnerabbli u anka kura tat-tfal.
Il-maniġers fuq il-post tax-xogħol iridu jissapportjaw lill-ħaddiema tagħhom kemm jista’ jkun qalb dawn l-inċertezzi kollha. Dan jista’ jsir billi jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ukoll ta’ kif intlaqtu minn din il-pandemija, u b’hekk il-ħaddiema jħossuhom aktar komdi u jaqsmu d-diffikultajiet tagħhom.
Il-ġurnata tax-xogħol tista’ ssir b’mod aktar flessibbli, per eżempju jagħtu brejk ftit itwal forsi dak li jkun imur mixja jew jeħles appuntamenti importanti.
Peress li hawn iktar persuni li qiegħdin jaħdmu mid-dar, huwa importanti li jsiru meetings onlajn permezz ta’ telefonati bil-vidjo sabiex it-tim kollu jibqa’ magħqud u jaraw li kulħadd jista’ jagħmel xogħolu. Matul dawn il-meetings jistgħu jittieħdu suġġerimenti ta’ kif ix-xogħol jista’ jinqasam aħjar, u f’hiex qiegħdin ibgħatu l-impjegati. Huwa importanti li kulħadd ikun flessibbli kemm jista’ jkun sabiex jinġibed ħabel wieħed.
F’dawn iż-żminijiet ċertu proċeduri li forsi kienu ftit riġidi jistgħu jiġu mħollijja ftit, u b’hekk l-impjegati jibqgħu lejali lejn il-kumpanija u b’hekk x-xogħol jagħmluh aktar mill-qalb. Kulħadd jixtieq li mmorru lura għar-rutina li kellna qabel, iżda ejja nużaw dawn iż-żminijiet sabiex nirriflettu fuq kif nistgħu verament noħolqu post tax-xogħol flessibbli u li jieħu ħsieb il-ħaddiema filwaqt li nżommuh professjonali.