Kumpanija Ewlenija Li Qed Tiżviluppa L-Vaċċin Tal-Coronavirus Fil-Mira Ta’ Hackers Mill-Korea Ta’ Fuq
Reuters ħabbret aktar kmieni illum li hackers mill-Korea Ta’ Fuq huma ssupettati ta’ attakk onlajn fuq il-kumpanija Ingliża AstraZeneca, li hija waħda mill-kumpaniji ewlenin li qed taħdem għall-vaċċin tal-coronavirus.
Skont Reuters, il-hackers għamlu ta’ bir-ruħhom li qed ifittxu persuni għal impjiegi speċifiċi u bdew jikkuntattjaw lill-impjegati ta’ AstraZeneca permezz ta’ LinkedIn u WhatsApp u joffrulhom xogħlijiet li ma jeżistux. Is-suspettati hackers imbagħad bagħtu dokumenti bid-deskrizzjoni tax-xogħol li filfatt kienu dokumenti malizzjużi li permezz tagħhom il-hackers setgħu jaċċessaw il-kompjuters tal-istess ħaddiema.
Reuters qalet li jidher li l-hackers ma rnexxielhomx jilħqu l-għan tagħhom.
Filwaqt li l-kumpanija AstraZeneca ma kkummentatx dwar dan, l-Università ta’ Oxford, li qed taħdem direttament ma’ din il-kumpanija fl-iżvilupp tal-vaċċin tal-coronavirus, ikkummentat ma’ CNN u qalet li l-Università qed taħdem mill-qrib mal-UK National Cyber Security Centre (NCSC) sabiex tiġi assigurata protezzjoni massima.