L-Armata Tissaħħaħ Bi 23 Vettura Ġdida
Il-flotta ta’ Armata ssaħħet bi 23 vettura ġdida b’investiment ta’ aktar minn €600,000. Dawn il-karozzi huma maħsuba biex il-forza tkun f’pożizzjoni aħjar biex twettaq id-doveri tagħha.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif dawn il-vetturi ġodda huma parti minn numru ta’ investimenti oħra li qed isiru fil-Forzi Armati ta’ Malta biex ikun assigurat li l-FAM jkunu mgħammra bir-riżorsi meħtieġa.
“Sodisfatt li l-korpi dixxiplinati kollha qed jaħdmu biex jimxu ‘l quddiem permezz ta’ investiment li qed isir. Qed naħdmu b’mod li nassiguraw it-tisħiħ ħolistiku tal-forzi tal-ordni. Inutli ninvestu fl-aqwa apparat u għodda jekk imbagħad ma jkunx hemm biżejjed uffiċjali biex iħaddmuhom. Għalhekk il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ il-Forzi Armati ta’ Malta kemm bit-tagħmir kif ukoll fir-riżorsi umani u t-taħriġ tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Brigadier Jeffrey Curmi, lill-uffiċjali u lis-suldati tal-Forzi Armati li apparti x-xogħol li jwettqu kuljum, jaħdmu qatigħ biex investimenti ta’ dan it-tip jiġu implimentati.
Dan l-investiment tħabbar ftit jiem biss wara li ġie ffirmat l-ewwel ftehim settorjali għall-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta li żied il-fond tas-salarji b’€ 8.2 miljun fis-sena.