L-Ex Prim Imħallef Se Jinvestiga L-Allegat Ksur Ta’ Etika Ta’ Cuschieri U Licari

 L-Ex Prim Imħallef Se Jinvestiga L-Allegat Ksur Ta’ Etika Ta’ Cuschieri U Licari

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA ħatar bord indipendenti magħmul mill-ex-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Avukat Mark Simiana biex jinvestigaw l-allegat ksur ta’ etika mill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri u Dr Edwina Licari li sservi ta’ avukat fl-istess awtorità.

Fil-jiem li għaddew Cuschieri u Licari ssospendew lilhom infushom mill-awtorità wara li ġie rrapportat li fl-2018 huma siefru Las Vegas man-negozjant Yorgen Fenech. Dan qabel ma sar magħruf li Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-bord tal-gvernaturi tal-MFSA rrefera għal stqarrija li saret il-Ġimgħa fejn ingħad li kien avża bl-intenzjoni tiegħu li jibda valutazzjoni tal-fatti rrappurtati fil-midja lokali biex jissalvagwardja l-interessi tal-Awtorità.

Qal li għalhekk il-Bord tal-Gvernaturi waqqaf dan il-bord magħmul minn partijiet terzi indipendenti biex iwettaq il-verifiki meħtieġa fir-rigward ta’ ksur ta’ etika.

Spjega li l-bord ingħata struzzjonijiet biex iwettaq il-proċess ta’ valutazzjoni b’mod mgħaġġel u ladarba l-evalwazzjonijiet meħtieġa jiġu konklużi mill-bord, ir-rakkomandazzjonijiet jiġu ppreżentati lill-Bord tal-Gvernaturi għal deċiżjoni finali li għandha tittieħed fuq iż-żewġ każijiet.

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-MFSA temm jgħid li huwa marbut bil-kunfidenzjalità u ċaħad b’mod kategoriku li xi ħadd fil-bord ta xi kumment lill-midja.

Il-Bord afferma wkoll l-impenn tiegħu li l-maniġment u l-persunal tal-MFSA jibqgħu totalment iffokati fuq l-implimentazzjoni tal-viżjoni u l-istrateġija tal-Awtorità biex tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-konsumatur u sistema finanzjarja aktar sigura u soda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com