L-Istati Uniti Tfaħħar Lil Malta Fil-Ġlieda Tagħha Kontra l-Ħasil Tal-Flus

 L-Istati Uniti Tfaħħar Lil Malta Fil-Ġlieda Tagħha Kontra l-Ħasil Tal-Flus

L-għada li l-Pulizija Maltija wettqet operazzjoni kbira li fiha arrestat 15-il persuna b’rabta ma’ reati konnessi ma’ ħasil ta’ flus, l-Ambaxxata Amerikana f’Malta faħħret l-impenn ta’ Malta biex tiġġieled il-kutrabandu ta’ żejt u fjuwil mil-Libja.

“L-operazzjoni internazzjonali kontra l-ħasil tal-flus, tixhed l-impenn ta’ Malta li taħdem mas-sħab reġjonali u internazzjonali tagħha, inkluż il-Europol, l-Italja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, biex tipproteġi r-riżorsi naturali tal-Libja u tiġġieled il-kriminalità organizzata”, qalet fi stqarrija l-Ambaxxata Amerikana.

Fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta li għadda, il-Pulizija xliet lil Gordon Debono, lil martu Yvette, lis-sieħeb fin-negozju tagħhom Sean Higgins kif ukoll lill-ex footballers Darren Debono u Jeffrey Chetcui fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

Fl-istqarrija tagħha, l-Ambaxxata Amerikana tenni li l-azzjoni tal-pulizija Maltin enfasizzat “l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali” permezz ta’ inizjattivi bħal dik tas-Sigurtà tal-Mediterran Ċentrali, li huwa forum kollaborattiv għall-kontroll tal-esportazzjoni fejn imsieħba mill-Eġittu, l-Italja, il-Libja, Malta, it-Tuneżija, Ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, u oħrajn jingħaqdu flimkien biex jaqsmu informazzjoni dwar l-aħjar prattiċi fil-ħidma tagħhom kontra l-kriminalità.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com