Magħrufa r-Rebbieħa tal-Kampjonati Nazzjonali tal-Bowling
Fl-aħħar jiem ġew fit-tmiemhom il-Kampjonati ta’ taħt it-tnax, sittax u t-tlieta u għoxrin sena organizzati mill-Malta Ten Pin Bowling Association.
Matthew Magro rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tal-BOV Bowling U23, b’Sara Xuereb tiddomina biex tirbaħ it-tmien titlu konsekuttiv tagħha f’din il-kategorija.
Nicholas Muscat u Ruslana Grima ġew inkurunati rebbieħa fil-Kategorija U16 filwaqt li Nicolai Mallia u Karlise Bartolo rebħu l-kategorija U12.
Fil-kampjonati maskili taħt it-23 sena rajna punteġġi partikolarment għoljin, bir-rebbieħ tas-sena li għaddiet fil-kategroiji ta’ taħt it-23 u taħt is-16-il sena Nicholas Muscat jiġri fuq quddiem b’total ta’ 2705 fuq 12-il logħba, fejn kiser ir-rekord ta’ taħt it-18-il sena ta’ 1357 pin (226 medja) fuq 6 logħbiet.
Kayden Lagana, li għad għandu 12-il sena kellu wkoll serje brillanti ta’ 2460, u kkwalifika fit-tieni post fil-kategorija U23 wara Muscat u eżatt qabel Matthew Magro. Reuben Scerri, Kyle Camilleri u Miguel Xuereb ukoll ikkwalifikaw għall sitt finali. Il-vantaġġ enormi ta’ Muscat ma kienx biżżejjed biex iżomm l-ewwel post hekk kif Magro, li għandu 18-il sena lagħab serje tal-1192 fuq ħames logħbiet, b’medja ta’ 238 biex jirbaħ il-ħames logħbiet kollha u jitla fl-ewwel post. Din is-serje hija t-tieni l-aqwa serje ta’ ħames logħbiet li qatt intlagħbet minn kwalunkwe plejer lokali.
Lagana’ żamm it-3 post b’vantaġġ minimu ta’ 11-il pin fuq Xuereb u kompla jiffaċċja lil Muscat biex jara min se jisfida lil Magro fil-finali. Muscat ma setax madankollu jsib il-forma preċedenti u tilef 171-202, u Lagana’ kompla jiffaċċja lil Magro. F’logħba kumbatutta, Magro meritatament rebaħ it-titlu U23, b’riżultat ta’ 217-202.
Sara Xuereb iddominat il-grupp femminili mill-ewwel ġurnata biex rebħet it-8 titlu konsekuttiv tagħha fil kategorija ta’ taħt it-23 sena. Kisbet medja ta’ 217 scratch matul it-12-il logħba fil-fażi ta’ kwalifikikazzjoni, quddiem Ruslana Grima u Karlise Bartolo fir-round robin, qabel Rachel Chircop, Celianne Micallef u Mia Bugeja. L-ewwel 3 ma biddlux il-pożizzjonijiet wara dan ir-rawnd robin, b’Xuereb tirbaħ il-ħames logħbiet kollha tagħha, Grima rebħet tlieta u Bartolo rebħet żewġ logħbiet. Dan fisser li Bartolo ffaċċjat lil Grima biex tiddetermina min kien se jaffronta lil Xuereb fil-finali. Grima għelbet lill Bartolo, li għad għandha 11-il sena b’pin wieħed biss.
Grima lagħbet kontra Xuereb fil-finali. Wara li kisbet vantaġġ żgħir kmieni fil-logħba, Grima rat dan jisparixxi hekk kif Xuereb għamlet 4 strajks konsekuttivi fl-aħħar biex rebħet 203-172.
Fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena, Nicholas Muscat iddefenda t-titlu tiegħu b’dik il-prestazzjoni li kiser ir-rekord u spiċċa qabel Lagana’ u Chris Fenech. Ruslana Grima ma kellhiex sfidi reali hekk kif ħarġet rebbieħa komda b’medja qawwija ta’ 192 fuq 12-il logħba, ferm qabel Bartolo u Celianne Micallef. Dan kien it-3 titlu ta’ Grima taħt is-16-il sena wara xulxin.
Fil-kategorija ta’ taħt it-12-il sena, Nicolai Mallia għeleb lil Tomas Caruso b’10 pins waqt li t-tielet post mar għand Matthew Bonello. Karlise Bartolo faċilment rebħet il-kategorija tagħha b’1224 pin għal 965 ta’ Charlize Bartolo. Jade Barbara kienet it-tielet bi 826 pin.
L-Ogħla logħbiet li ntlagħbu kienu t-tnejn 290 miċ-champions taħt it-23 sena, Sarah Xuereb u Matthew Magro.
Charles Azzopardi, PR Eżekuttiv u Marketing fil-Bank of Valletta ppreżenta t-trofej lir-rebbieħa kollha.
Ritratt: MTBA