Malta Bl-Ikbar Reġistru Ta’ Superyachts Fid-Dinja
Ħidma intensiva li saret fl-aħħar snin wasslet biex illum pajjiżna għandu l-ikbar reġistru tas-superyachts fid-dinja.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza li matulha tħabbru żviluppi ġodda fis-settur marittimu ta’ pajjiża.
Malta rreġistrat żieda ta’ aktar minn 7% fuq l-aħħar tal-2019, fejn ġew irreġistrati aktar minn 850 jott ta’ ’l fuq minn 24 metru. Dan ifisser żieda ta’ kwazi 50% f’dawn l-aħħar ħames snin.
Dr Borg attribwixxa din iż-żieda għall-kwalità, ir-reputazzjoni u l-fiduċja, fir-Reġistru tal-Bastimenti Merkantili Malti. Qal li l-gvern jinsab impenjat li jkompli jibni fuq dak li diġà ksibna.
Huwa żied jgħid li matul l-aħħar sena l-Gvern kompla jisħaq il-politika tiegħu sabiex ir-Reġistru Malti jkompli jissaħħaħ u jitressqu operaturi ta’ kwalità lejn is-servizzi li toffri Malta. Dan seta’ jseħħ biss minħabba li r-Reġistru Malti huwa proattiv f’industrija dinamika b’ħafna kompetitturi internazzjonali.
Waqt il-konferenza tħabbar ukoll Kodiċi Revedut għall-jottijiet lussużi li jistgħu jintużaw kummerċjalment. Dan kompla juri l-proattività u d-dinamiżmu tar-Reġistru Malti u fuq kollox wera l-possibbiltà li jattira aktar jottijiet lejn pajjiżna.
Il-Kodiċi Revedut jinkludi standards għal jottijiet akbar, effiċjenti f’dawk li huma emissjonijiet u l-kunċett ta’ Green Yachts. B’dan il-mod, Malta se tissettja livell għoli u se tinċentiva jottijiet li huma aktar environmentally friendly.