Mhux Ħatja Li Ssekwestraw Ġurnalisti F’Kastilja

 Mhux Ħatja Li Ssekwestraw Ġurnalisti F’Kastilja

Jody Pisani, Mark Gauci u Emanuel McKay ma nstabux ħatja li f’Novembru tas-sena li għaddiet issekwestraw lill-ġurnalisti fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Kastilja mill-ex Prim Ministru Joseph Muscat.

It-tliet irġiel ġew akkużati li ssekwestraw lil Monique Agius, Miguela Angela Xuereb, Julian Bonnici u Paul Caruana Galizia kontra r-rieda tagħhom bejn it-3.00 a.m. u l-4.00 a.m.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud eżaminat filmat ta’ sitt minuti li ppreżentat Agius u nnotat li l-parti relevanti hija twila 2.24 sekonda. Qalet li l-filmat ma jikkonfermax li l-inċident seħħ fuq medda ta’ bejn ħames u għaxar minuti.

Il-Qorti nnotat li kuntrarju għal dak li ħareġ mix-xhieda, mill-filmat ma jidhirx li kien hemm xi kommossjoni bejn dawk preżenti, ġurnalisti u oħrajn u l-persuni li kienu quddiem il-bibien sakemm infetaħ il-bieb. Qalet li aktar kien hemm konfużjoni u tensjoni barra l-kamra.

Fil-konklużjonijiet tagħha, l-Qorti għamlitha ċara li ma kinitx kuntenta kif sar l-istħarriġ tal-każ u nnotat li l-akkużi ħarġu tmien xhur wara li sar ir-rapport.

Il-Qorti qalet li min investiga l-każ ma ċċekkjax jekk il-bieb kienx imsakkar jew le u saħansitra lanqas ħa l-verżjonijiet ta’ dawk li organizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet.
Innota wkoll li lanqas ittieħdet il-verżjoni tal-ġurnalisti li kienu preżenti fejn kien hemm minnhom li semmew 30 ruħ, oħrajn 50 ruħ u saħansita Monique Agius xehdet “I don’t know, something between fifly and hundred.

Il-Qorti nnotat ukol lli kienu tnejn biss il-ġurnalisti li marru jagħmlu rapport. F’każ bħal dan, il-Qorti qalet li kienet tistenna aktar interess minn dawk involuti.

Il-Qorti stabbilit ħadd mill-akkużati ma deher juża forza biex iżomm il-bieb magħluq jew uża xi forza fuq il-ġurnalisti. Innotat ukoll ħadd ma tteħidlu l-apparat tant li setgħu jibqgħu jirrapportaw dak li kien għaddej.

Qalet li x’ħin infetaħ il-bieb, ħareġ kulħadd inkluż l-imputati fejn jidher li żviluppat sitwazzjoni free for all li fl-beda binja, jekk hix tal-gvern jew tal-privat ma wieħed jistenna li jsir hekk. Qal li meta persuna tmur f’post hix bħala mistiedna jew biex twettaq xi ħidma ma tippretendix li tieħu kontroll tal-binja.

Il-Qorti temmet tgħid li ma jistax jingħad li l-ġurnalisti marru fil-fond inkwistjoni kontra l-volonta tagħhom u li mix-xhieda li ngħatat ma jistax jingħad li kien hemm arrest, detenzjoni jew sekwestru illegali tal-ġurnalisti.

B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni, Nigel Vella, id-deputat Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern qal li fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook li llum il-qorti kkonfmerat li ma kien hemm l-ebda sekwestru jew li żammew lil xi ħadd milli joħroġ minn Kastilja kif ġie allegat diversi drabi fil-mezzi tax-xandir. Qal li ħabba dan il-każ, ġew affaċċjati b’baraxx ta’ kummenti u insinwazzjonijiet li kienu ferm ’il bogħod mill-verità. Huwa tenna li kienu qed jagħmlu biss xogħolhom u ttama li ssir ġustizzja billi d-deċiżjoni tal-qorti titwassal bl-istess intensità u speditezza fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Għall-imputati dehru l-Avukati Charlon Gouder, Ramona Attard u Matthew Xuereb.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com