Mil-Lum L-Italja Żżid Il-Miżuri Kontra L-Covid-19 – Lockdown F’Diversi Reġjuni
Mil-lum l-Italja żiedet il-miżuri kontra l-Covid-19, u saħansitra imponiet lockdown f’diversi Reġjuni fl-Italja minħabba ż-żieda qawwija fil-każijiet fl-aħħar ġimgħat.
Il-Pajjiż kollu, aktar minn 60 miljun persuna se jkunu sfurzati jinġabru fi djarhom bejn l-10pm u l-5am, għajr eċċezzjonijiet.
Il-Prim Ministru tal-Italja, Giuseppe Conte llbieraħ ħabbar li r-reġjuni ta’ Lombardia, Piemonte, Calabria u Valle d’Aosta qed jiddaħlu fil-lista l-ħamra hekk kif fl-aħħar jiem żdiedu sew il-każi ta’ Covid-19.
Dan ifisser lockdown għal dawn ir-reġjuni hekk kif se jitħallew jiftħu biss skejjel u negozji tal-bżonnijiet neċessarji, bħal spiżeriji.
Residenti ta’ dawn ir-reġjuni se jitħallew joħorġu mid-dar biss għal raġunijiet ta’ xogħol, saħħa jew emerġenzi, kif ukoll għal attività fiżika fil-beraħ, iżda mhux fi gruppi. Għalhekk, ċentri sportivi se jingħalqu.
Reġjuni oħra bħal Puglia u Sqallija ddaħlu f’żona oranġjo, li tfisser li r-ristoranti jridu jgħalqu.
Hemm ukoll żona safra li tiġbor fiha lil Abbruzzo, Bazilicata, Campania, Emilia Romagna, Lazio, Veneto, Liguria, u l-provinċji ta’ Trento u Bolzano li għandhom miżuri li mhux daqshekk restrittivi.
Il-Prim Ministru Conte ħabbar li m’hemm l-ebda żona ħadra għax il-virus qed jinfirex madwar l-Italja.