Missier Ordnat Iħallas 20 Sena Manteniment B’Lura

 Missier Ordnat Iħallas 20 Sena Manteniment B’Lura

Il-Qorti ornat missier iħallas manteniment ta’ €45,000 lil omm ibnu f’deċiżjoni storika li fiha ddeċidiet li r-raġel kien responsabbli għat-tifel. Dan minkejja li abbandunah meta kellu biss 16-il xahar.

Sorsi legali qalu li dan il-każ jista’ joħloq preċedenti għall-każijiet oħrajn fl-istess sitwazzjoni.

L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima ddeċidiet li anke jekk l-omm ġiet fdata bil-kura u l-kustodja tat-tifel u l-missier tneħħewlu d-drittijiet kollha ta’ ġenituri madwar 20 sena ilu, dan ma jfissirx li huwa seta’ jaħsel idejh mill-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront ta’ ibnu.

L-istess sorsi legali qalu li din is-sentenza jista’ jkollha effett fuq każijiet pendenti fejn ġenituri li jiġu afdati bil-kura u l-kustodja qegħdin jiġġieldu għall-manteniment mill-ex sieħeb tagħhom, li ħafna minnhom ma jħallsux il-manteniment.

Fil-qorti ngħad li l-missier kellu biss 18-il sena meta s-sieħba tiegħu ħarġet tqila. Dan wara li kienu ilhom joħorġu flimkien għal madwar erba’ xhur.

Il-qorti tenniet li ż-żewġ ġenituri għandhom l-obbligu li jieħdu ħsieb, jgħallmu u jedukaw lil uliedhom. Innotat li l-missier naqas milli jwettaq dawn ir-responsabbiltajiet. Wara li qieset id-dħul tal-missier, il-qorti stabbiliet manteniment ta’ €200 fix-xahar għal ibnu sakem għalaq 10 snin u €300 minn dak iż-żmien ’il quddiem. Dan meħud kont ukoll tal-ispejjeż mediċi, edukazzjoni u extra kurrikulari. Wara li naqqset l-ammont li l-missier kien diġà ħallas, il-qorti ordnatlu jħallas b’lura €45,000 f’manteniment.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com