Pjan Ta’ Investiment Ta’ €116-il Miljun Mill-Water Services Corporation
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed twettaq 98 azzjoni bi pjan għat-tliet snin li ġejjin b’investiment ta’ €116-il miljun, ko-finanzjat b’fondi Ewropej. Dan bl-iskop li żżid id-disponibilità u l-kwalità tal-ilma tax-xorb, ittejjeb il-faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ, tersaq aktar viċin il-klijent u tinvesti aktar f’riżorsi umani u proċessi interni biex tkun identifikata bħala l-aqwa eżempju.
Dan tħabbar ilbieraħ mill-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi li matulha il-WSC ippreżentat il-pjan tan-negozju tagħha għat-tliet snin li ġejjin.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li t-tliet pilastri ta’ dak kollu li se jitwettaq fi ħdan il-korporazzjoni se jkunu l-effettività, l-effiċjenza u l-kwalità. “Se nkunu qed nagħtu viżibilità kompletament differenti tal-korporazzjoni”, qal il-Ministru Farrugia.
Huwa qal li l-korporazzjoni għandha nies ta’ kapaċità kbira kif ukoll struttura ta’ amministrazzjoni u wara li għaddiet minn proċess ta’ ristrutturar, illum qiegħda tinvesti f’dawn il-kapaċitajiet, li qed jissarrfu fil-ġid tal-Maltin u Għawdxin.
Tenna li dan il-pjan ta’ negozju kull persuna li għandu responsabbiltà, ressaq il-pjan tiegħu li ġie evalwat u b’hekk, tfasslet strateġija ta’ struttura aggressiva li se timplimenta l-proġetti u li se tiffaċilita l-mod kif tiffunzjona l-korporazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dawn il-proġetti qed jiġu ffinanzjati b’€92 miljun li ġejjin mill-programm ta’ fondi Ewropej tal-2014-2020. Huwa sostna li dawn il-proġetti se jħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent. Permezz ta’ dan l-investiment se tisaħħaħ l-infrastruttura marbuta mal-ilma, tiżdied il-produzzjoni bil-bini tar-Reverse Osmosis ġdid f’Għawdex tal-ilma għax-xorb u titjieb il-kwalità tal-ilma. Se jkompli jsir trattament tal-ilma aħjar bi proġett pilota ieħor tar-‘retrofitting’ tal-impjant tat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ ta’ Sant’ Antnin.
Fost il-proġetti se jkun hemm: żieda fil-kapaċità tal-RO ta’ 52% sas-sena 2023, minn 74,000 metru kubu kuljum għal 112,500 metru kubu kuljum, ‘upgrading’ tal-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Taċ-Ċumnija, twissija awtomatika għall-proċess ta’ tbattil tal-fosos tad-drenaġġ, tibdil ta’ 50 kilometru ta’ netwerks assoċjati mal-ilma fuq medda ta’ tliet snin, ‘upgrade’ tal-mains bejn iċ-Ċirkewwa u Ta’ Qali, installazzjoni ta’ 39 stazzjon ta’ monitoraġġ tad-drenaġġ, ‘upgrading’ tad-drenaġġ fix-Xemxija u xogħol ieħor li għandu jwassal biex jiġu eliminati l-irwejjaħ, ġenerazzjoni tal-PV fuq is-soqfa kollha disponibbli, madwar 10,000 metru kwadru, li jiġġeneraw il-konsum ta’ madwar 300 familja, u strateġija ta’ metering li tistabbilixxi l-meter ideali għal kull tip ta’ konsumatur, fejn huwa ppjanat li jkun hemm tibdil ta’ madwar 40,000 fis-sena.