Prostituzzjoni Sfurzata Fi Sqallija
Qalb il-muntanji ta’ Sqallija, mara Niġerjana qiegħda taħdem sabiex tgħin nisa bħalha li spiċċaw skjavi tas-sess.
Osas Egbon fetħet xelter għal dawn il-vittmi tat-traffikar ta’ persuni fi Frar; l-ewwel dar miftuħa għal-nisa Niġerjani minn mara Niġerjana.
Id-dar qiegħda ġo villaġġ Siċiljan, bi kċina mdaqqsa u terrazzin b’veduti fuq l-għoljiet. In-nisa kollha għandhom kamrithom, imma jużaw l-istess kċina u kamra tal-banju. Il-propjetà ġiet mogħtija lil Osas minn xi ħbieb Taljani.
Osas kienet traffikata tmintax-il sena ilu, minn darha ġewwa l-istat ta Edo, in-Niġerja, sabiex taħdem fil-prostituzzjoni b’mod sfurzat.
Dawn in-nisa ġew flimkien wara li kien hemm qtil brutali fis-snin 2011 u 2012 ta’ żewġ tfajliet Niġerjani. Kellhom biss 20 u 22 sena.