Qiegħdin Jiżdiedu N-Nies Li Jieklu Vegan?

 Qiegħdin Jiżdiedu N-Nies Li Jieklu Vegan?

Meta persuna tgħid illi hi vegan tfisser illi ma tikolx prodotti tal-ikel magħmulin mill-annimali, inkluż ħalib, bajd, laħam u ħut. Skont studji li saru fl-Ingilterra, hemm aktar nisa milli rġiel li jagħżlu din id-dieta, u hemm minnhom ukoll li jissejħu ‘lifestyle vegans’ fejn dawn jużaw ħwejjeġ u kożmetiċi li ma jkollomx ingredjenti magħmulin mill-annimali.

Imma hawn għażla ta’ ikel u prodotti għal persuni ‘vegan’?

Illum il-ġurnata hawn iktar għarfien dwar dieti u allerġiji differenti, u għalhekk, kemm il-ħwienet tal-ikel u kemm ir-ristoranti qiegħdin joffru għażla vasta ta’ prodotti u ikel li jakkomodaw dawn il-bżonnijiet. Ħafna drabi, li tkun vegan hija għażla personali tal-persuna, u jista’ jkun li tkun influwenzata mill-midja soċjali permezz ta’ ‘influencers’ popolari li qed jagħżlu din l-istil ta’ ħajja. Riċentement, kumpaniji kbar li huma ‘search engines’ qed jinnutaw li il-kliem ‘vegan’ u ‘veganism’ qiegħdin ikunu mfittxija iktar.

X’inhuma r-raġunijiet għalfejn persuna tiddeċiedi li taqleb vegan?

L-iktar raġuni popolari hija għaliex dak li jkun irid inaqqas il-konsum tal-laħam minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Raġunijiet oħra jinkludu problemi ta’ piż żejjed, il-ħajja u s-saħħa tal-annimali u raġunijiet li jikkonċernaw l-ambjent. Hemm min jaqleb għal vegan sabiex jipprova jiekol ikel aktar nutrittiv u tajjeb għas-saħħa.

Però, din id-dieta xorta tista’ tkun ta’ detriment għas-saħħa, għaliex jista’ jkun li tkun qed titlef ċertu vitamini u nutrijenti. Jekk tagħżel li tieqaf tiekol laħam u prodotti magħmulin mill-annimali, trid issib alternattiva għalihom, għax tkun qed titlef il-proteini, minerali u vitamini li jkollhom l-annimali. Il-laħam irid jiġi mibdul ma’ ħaxix, ġewż u lewż u żrieragħ oħra. Huwa ukoll importanti illi jekk ser taqleb vegan, tieħu xi ftit supplimenti sakemm il-ġisem jidra din l-istil ta’ ħajja ġdida.

 

Ritratt: Google Images 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com